Futbol Sport

Bayern Munich jirbħu l-ewwel konfront tal-Bundesliga b’żewġ gowls lejn it-tmiem

(Ritratt: EPA)

Iċ-champions Ġermaniżi Bayern Munich bdew jiddefendu t-titlu b’rebħa ta’ 3-1 fuq Hoffenheim fl-Allianz Arena, b’żewġ gowls skorjati lejn it-tmiem.

Thomas Muller fetaħ l-iskor wara 23 minuta b’daqqa ta’ ras mill-kaxxa ż-żgħira wara korner mix-xellug. It-tim ta’ Kovac sofra daqqa ta’ ħarta qabel tmiem l-ewwel taqsima meta jidher li weġġa’ serjament Kingsley Coman fejn kellu jiġi mibdul.

Robert Lewandowski kellu gowl imħassar fis-56 minuta meta kien f’pożizzjoni ta’ offside. Minuta biss wara Hoffenheim ġabu d-draw b’xutt fil-baxx b’saħħtu mill-kaxxa ta’Adam Szalai.

Bayern Munich ingħataw penalty fid-79 minuta u wara li x-xutt ta’ Robert Lewandowski kien salvat parzjalment, daħal is-sostitut Arjen Robben li skorja mir-rebound. Iżda r-referee Bastian Dankert ħassar il-gowl u reġa’ ordna li jingħata l-penalty wara konsultazzjoni mal-VAR minħabba li kien hemm il-plejers fil-kaxxa qabel ma ngħata l-penalty. Lewandowski reġa’ nkariga ruħu iżda din id-darba skorja meta tefa’ l-ballun naħa u l-gowlkiper naħa oħra.

Arjen Robben assigura r-rebħa lejn it-tmiem b’konklużjoni tipika tiegħu bix-xellug.