Żewġ nisa Bulgari kienu kkundannati erba’ xhur ħabs kull wieħed wara li nstabu ħatja li wettqu serqa fuq turista fil-Belt Valletta.
Il-każ seħħ fil-21 ta’ Ġunju li għadda fl-istabbiliment “Pull & Bear” fil-Belt Valletta meta Genoveva Ilieva u Iliyana Ilieva serqu kartiera bi flus kontanti u karti ta’ kreditu għad-dannu ta’ Sharon Bourne, turista mir-Renju Unit.
L-akkużati inqabdu fil-fatt permezz ta’ kameras tas-sigurta’ li kien hemm fil-ħanut.
Fis-sentenza tal-Qorti, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li Malta għandha reputazzjoni li tilqa’ lil barranin fi ħdanha iżda hawn il-ftit li jiġu jaqgħu u jqumu mill-liġijiet ta’ pajjiżna. “Huwa sewwa f’dan il-każ li turista ġiet ftit jiem f’pajjiżna għal btala u tispiċċa misruqa minn suppost turisti oħra li ġew pajjiżna?”
Il-Qorti tkompli li dan mhux sewwa u mhux skużabbli li wara li twettaq reat iġġib l-iskuża li tqila u allura tingħata trattament preferenzjali. “Il-Qorti dejjem sostniet li persuna għandha tingħata protezzjoni mill-konċepiment sal-mewt, iżda huma l-imputati li għandhom jipproteġu t-trabi li għandhom fil-ġuf billi ma jispiċċawx parti minn organizzazzjoni kriminali li tesportahom lejn pajjiżna biex iwettqu numru ta’ serqiet qabel jerġgħu imorru lura lejn pajjiżhom.”
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Priscilla Caruana Lee u Alfredo Mangion
//= $special ?>