Lokali

F’ĠURNATA: Erba’ titjiriet tal-Air Malta jittardjaw għal sigħat twal

Titjiriet lejn Comiso, lejn Lourdes, U minn Southend u Gatwick fost dawk milquta

Matul il-ġurnata kien hemm numru ta’ titjiriet tal-linja nazzjonali tal-Air Malta li ttardjaw biex telqu minn Malta jew li ttardjaw biex waslu Malta.

It-titjira KM 658 minn Malta lejn Comiso u t-titjira KM 4438 lejn Lourdes damu ħafna biex telqu. It-titjira lejn Comiso kienet skedata li titlaq fit-3.05 ta’ waranofsinhar imma l-informazzjoni fuq il-website tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta beda jimmarka l-ħin tat-tluq għas-6.05 ta’ filgħaxija.

Similarment, it-titjira minn Malta lejn Lourdes kellha titlaq fis-sitta neqes għaxra ta’ filgħaxija iżda l-ħin stmat tat-tluq beda jimmarka d-disa’ neqes kwart.

NET News irċieva diversi lmenti dwar l-ittardjar ta’ din it-titjira – peress li fost dawk li jmorru Lourdes regolarment hemm persuni morda li ma jkunux jistgħu iqattgħu ħin twil ta’ vjaġġar.

L-ittardjar mill-Air Malta ma affettwax biss titjiriet minn Malta, iżda anke titjiriet lejn Malta. Fost dawn hemm it-titjira KM 183 minn Southend li suppost kellha tasal Malta fis-2.10 ta’ waranofsinhar. Minflok, l-ajruplan niżel kważi tliet siegħat u nofs wara – fil-5.27pm.

It-titjira KM 117 minn Gatwick ukoll ittardjat meta waslet Malta siegħa u nofs tard.

F’Lulju li għadda, iċ-Chairman tal-Air Malta Charles Mangion ma kienx ried jiżvela kemm qed jiswew flus it-titjiriet kollha tal-Air Malta li qed jittardjaw.

Meta kien ġie mistoqsi minn NET News, Mangion kien qal li din l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva. Madanakollu kkonferma li hemm spiża li qed ikollha tintefaq.