Id-Dipartiment tas-Saħħa qed iħalli d-dipartiment tad-Dentistrija mingħajr l-appoġġ neċessarju, tant li matul dawn l-aħħar snin in-numru ta’ Dentisti f’dan id-Dipartiment naqas drastikament. Hekk intqal fi stqarrija mill-UĦM Voice of the Workers.
L-istqarrija tgħid li qed jinħass tkaxkir tas-saqajn biex joħorġu sejħiet għal dentisti ġodda u jsiru numru ta’ promozzjonijiet.
“F’dawn l-aħħar tmien snin, il-UĦM Voice of the Workers bagħtet diversi proposti lill-Gvern sabiex jiġu diskussi u fl-aħħar mill-aħħar jiġi offrut pakkett adekwat għad-Dentisti. Barra minn hekk, il-union issuġġeriet tibdil f’ċertu strutturi li jistgħu jkopru servizzi aħjar lill-pubbliku.”
Fil-bidu ta’ Lulju ta’ din is-sena, il-Ministeru tas-Saħħa sejjaħ laqgħa fejn il-UĦM Voice of the Workers spjegat il-viżjoni tagħha u talbet li ssir serje ta’ laqgħat sabiex jiġi konkluż ftehim. Dakinhar, l-amministrazzjoni kienet talbet sitt ġimgħat sabiex ikunu jistgħu jiġu kontro proposti mlaħħmin ħalli n-negozjati uffiċjali jibdew minnufih.
Għalkemm il-Union stenniet dawn għal dawn il-ġimgħat kollha, il-laqgħa sfortunatament ġiet posposta fl-aħħar mument min-naħa tal-Ministeru b’estensjoni ta’ ġimagħatejn oħra.
L-istqarrija tgħid illi wara li l-UĦM Voice of the Workers reġgħet stenniet ġimagħtejn oħra, fil-laqgħa li saret lejliet Santa Marija, baqgħet f’xiber imnieħer għaliex l-Ministeru naqas li jipproduċi l-kontro-proposti tant mistennija.
Għaldaqstant, tkompli l-istqarrija, il-UĦM Voice of the Workers ma kellhiex triq oħra ħlief li tibda bl-azzjonijiet industrijali fid-Dipartiment. Mill-ġimgħa l-oħra, id-Dentisti qed jaraw biss każijiet ta’ emerġenza – każijiet ta’ nefħiet, dmija, u daqqiet – u l-azzjonijiet se jibqgħu fis-seħħ sakemm din il-union tirċievi kontro-proposti adekwati bl-iskop li d-Dipartiment imur għall-aħjar.
Il-UĦM Voice of the Workers qed tittama li dan it-tkaxkir tas-saqajn mhux xi tattika mill-Gvern sabiex is-servizz jinbiegħ lill-Privat.
//= $special ?>