Internazzjonali

IL-ĠERMANJA: Mijiet ta’ nies evakwati fost nirien ‘il hinn minn Berlin

Mijiet ta’ nies spiċċaw evakwati minn djarhom waqt li l-iskwadri għall-emerġenzi kienu qed jikkumbattu nirien qalb foresta, lejn in-nofsinar ta’ Berlin, li hi mimlija bil-munizzjon attiv. L-evakwazzjonijiet komplew għal sigħat waqt li l-belt ta’ Berlin proprja spiċċat koperta bid-dħaħen kbar.

It-tentattivi biex is-sitwazzjoni tinġieb taħt kontroll kienet qed tkun ikkumplikata proprju bil-preżenza tal-munizzjon li jaħsbu li tħalla hemm waqt l-attivitajiet ta’ snin ilu mill-Armata Sovjetika qalb territorju tal-eks Ġermanja tal-Lvant komunista.

In-nirien li qabdu xi 50 kilometru ‘il bogħod mill-parti t’isfel ta’ Berlin infirxu malajr sal-punt fejn koprew art ekwivalenti għal 500 grawnd tal-futbol. Is-sitwazzjoni hi anki inkwetanti minħabba l-kundizzjonijiet ta’ nixfa attwali b’kaġun ta’ sajf mill-aktar qalil.

Instemgħu anki xi splużjonijiet miz-zona fejn il-firefighters kienu qed jikkumbattu n-nirien iżda ma jidhirx li weġġa’ xi ħadd fiċ-ċirkustanzi, Madankollu, il-fatt li l-fjammi kienu qed jaqbdu daqstant viċin ta’ Berlin wassal biex l-awtoritajiet jattivaw is-sistemi tal-allert għall-emerġenzi huma u jħeġġu lin-nies għal kawtela.

Intant, il-ħelikopters kienu qed iwaddbu l-ilma għal fuq il-fjammi fil-villaġġ ta’ Treuenbrietzen wara li n-nirien avviċinaw sa 100 metru biss ‘il bogħod mid-djar f’diversi bnadi. Dan waqt li n-nirien iddominaw zoni sħaħ tal-foresta, fil-limiti ta’ Berlin, b’mijiet ta’ residenti fl-inħawi ikollhom jirrikorru għal kenn ta’ emerġenza.