Wara li aktar kmieni din il-ġimgħa kien iffirmat il-ftehim li fih il-Gvern għadda l-Park Naturali tas-Salini lill-Birdlife Malta, issa se jibda x-xogħol biex dan il-Park, magħruf l-aktar għall-produzzjoni tal-melħ, jinbidel f’riserva naturali, riserva protetta biex fiha l-għasafar ikunu jistgħu jinżlu meta jkunu għaddejin minn fuq Malta.
Birdlife Malta qed tqis dan il-proġett bħala wieħed ta’ sfida; sfida li pero’ mistennija tissarraf f’innovazzjoni.
Din ir-riserva għandha medda ta’ art ikbar mir-riservi l-oħrajn. Dan għaliex il-Park tas-Salini jinkludi anke s-sit ta’ Natura 2000 u Kennedy Grove. Dan il-kobor pero’ se jgħin biex ikunu jistgħu jinħolqu abitati differenti għal tipi differenti ta’ għasafar. L-għan tal-post se jkun ukoll biex in-nies tkun tista’ tgawdi mill-qrib l-għasafar fl-abitat tagħhom kif ukoll isiru attivitajiet edukattivi bil-għan li jikber l-għarfien u r-rispett lejn in-natura.
Kontroversja li nqalgħet aktar kmieni din il-ġimgħa tikkonċerna ammont ta’ papri li ilhom żmien twal jabitaw f’dan l-istess park. Birdlife Malta qed tappella li minħabba bosta raġunijiet, dawn il-papri għandhom jitneħħew mill-post u jitpoġġew f’post aktar adattat.
//= $special ?>

