Internazzjonali

L-Avukat Ġenerali Amerikan iwieġeb għall-attakki ta’ Trump

L-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti, Jeff Sessions, wieġeb għall-aħħar attakk fil-konfront tiegħu min-naħa tal-President Amerikan, Donald Trump, fejn insista li d-Dipartiment tal-Ġustizzja li hu qed immexxi mgħandux iċedi għall-pressjoni politika.

Ir-reazzjoni minn Sessions kienet irrappurtata wara li Trump kien akkużah fis-sens li ‘hu (Sessions) mhux jirnexxilu jikkontrolla d-dipartiment tiegħu’. Il-President Amerikan fl-aħħar ġimgħat ma żammx lura milli jikkritika lid-Dipartiment tal-Ġustizzja u meta hu jinsab partikularment urtat għal kif id-Dipartiment qed jitratta l-investigazzjoni dwar l-allegat indħil tar-Russja fl-elezzjoni tal-2016 għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Sessions, li sa żmien ilu kien sostenitur ta’ Trump, illum warrab mill-inkjesta biex jevita konflitt ta’ interess potenzjali. Dan waqt li hu għadda l-kontroll tal-inkjesta lill-Viċi tiegħu, Rod Rosenstein.

Din id-deċiżjoni ta’ Sessions u l-progress tal-investigazzjoni taħt l-avukat speċjali Robert Mueller ( li anki qed tindaga dwar jekk Trump ippruvax itellef il-ġustizzja) ipprovokaw diversi kummenti rabbjużi mingħand il-President Amerikan, kemm fuq livell personali u anki fuq il-feed ta’ Twitter.

Il-President Trump għadu jinsisti li ma kien hemm l-ebda ftehim jew kooperazzjoni bejn l-attivisti li mexxewlu l-kampanja għall-Presidenza ( qabel l-elezzjoni tal-2016) u l-Gvern tar-Russja. Hu, fl-istess ħin, qed jiċħad li qatt ipprova jtellef il-ġustizzja.