Internazzjonali

L-Awstralja: Scott Morrison hu l-Prim Ministru ġdid wara li jitkeċċa Turnbull

Scott Morrison laħaq Prim Ministru ġdid tal-Awstralja minflok Malcolm Turnbull li kien sfurzat biex iwarrab mir-rivali tiegħu waqt sfida għat-tmexxija tal-partit fil-Gvern. Dan ifisser li Turnbull sar ir-raba’ Prim Ministru Awstraljan li tqaċċat mill-kollegi tiegħu tul dawn l-għaxar snin.

Turnbull kien diġà taħt pressjoni wara stħarriġ popolari li indika li hu kien qed jitlef kontinwament mill-appoġġ. Sadanittant, hu qed jakkuża lid-deputati konservattivi dwar ‘rewwixta’ li wasslet għal din is-sitwazzjoni drammatika.

Scott Morrison, li kien responsabbli mit-Teżor, rebaħ ballottaġġ intern ( b’45 vot kontra 40) kontra l-eks Ministru tal-Intern Peter Dutton, li qabel kien deher bħala l-akbar theddida għall-futur ta’ Turnbull.

Id-deputati Konservattivi, fl-aħħar jiem, kienu ansjużi dwar ir-riżultati ħżiena li kien qed jikseb il-Gvern fl-istħarriġ ta’ opinjoni, kif ukoll dwar l-aħħar disfatti tal-partit fl-aħħar by-elections.

Sadanittant, tilwima, ġimgħa ilu, dwar il-politika għall-enerġija xprunat it-tensjoni bejn Malcolm Turnbull, politiku moderat, u l-faxxa konservattiva tal-Partit Liberali tiegħu. Peter Dutton, li hu politiku konservattiv, kien sfida lil Turnbull għat-tmexxija nhar it-Tlieta u fejn it-telfa minima għal Dutton kellha, imbagħad, iżżid l-element tad-diżgwid.

Morrison daħal fl-isfida wara li Turnbull tilef uħud mis-sostenituri ewlenin tiegħu u fejn talaħħar, maż-żmien, qabel biex iwarrab mir-rwol ta’ Prim Ministru.

L-affarijiet huma anki kumplikati mill-fatt li Turnbull qed jindika li għandu jirriżenja wkoll mill-Parlament. Sitwazzjoni bħal din għandha tisforza by-election, bil-possibbiltà li l-Gvern jitlef il-maġġoranza ta’ siġġu attwali u bil-konsegwenza li l-Prim Ministru ġdid ikollu jsejjaħ elezzjonijiet bikrija.

Iżda, Morrison, li ftit tal-ħin ilu ħa l-ġurament ta’ Prim Ministru, ma jemminx f’dan ix-xenarju potenzjali u qed isostni li l-Gvern tiegħu ‘se jkun f’postu sal-ġimgħa d-dieħla’.