Rapport: George Cassar
FLORIANA…………………. 0
SLIEMA WANDERERS…. 1
Floriana: M. Grech, A. Cini (J. Pisani 69’), C. Failla, E. Ruiz, M. Saleh, E. Marcelina, S. Pisani, A. Henrique, J. Cabral, I. Varela, P. Ronaldinho
Sliema W.: J. Galea, J. Mintoff (M. Sansone 87’), N. Ashong, G. Adamovic, S. Biancardi. R. Fenech, K. Shaw, M. Muchardi, F. Temile, Y. Marzouk (E. Agius 72’), Jefferson (J.P. Farrugia 82’)
Imwissija: A. Cini 19’, S. Pisani 32’, E. Marcelina 43’, C. Failla 58’, J. Pisani 77’ (F), R. Fenech 36’, G. Adamovic 58’, N. Ashong 73’ (S)
Skorja: M. Muchardi 16’ (S)
Referee: Matthew Degabriele
Assistenti Referees: Alan Camilleri, William Debattista
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Matias Muchardi (S)
Attendenza: 672
Matias Muchardi skorja wara kwarta u mexxa lil Sliema Wanderers għat-tieni rebħa tal-kampjonat minn daqstant partiti. Wara r-rebħa fuq Valletta ġimgħa ilu, il-Wanderers warrbu wkoll l-isfida ta’ Floriana biex b’hekk din hija l-ewwel darba minn wara l-istaġun 2007/2008 li Sliema rebħu l-ewwel żewġ logħbiet tal-kampjonat.
Floriana għadhom bla punti u bla gowls wara żewġ logħbiet u l-indikazzjonijiet s’issa juru li t-tim iddgħajjef mill-istaġun li għadda fejn fl-attakk jidher li għadhom ma sabux is-sostitut ta’ Mario Fontanella filwaqt li f’nofs il-grawnd ma kienx hemm plejer kreattiv.
Minkejja li l-pika bejn ir-rivali tal-passat tal-futbol Malti naqset ħafna, waqt il-partita kien hemm speċi ta’ nkejja bejn iż-żewġ gruppi ta’ partitarji fejn għall-għajta ta’ appoġġ “Dejjem warajkom” tal-Furjaniżi lejn il-plejers tagħhom, dawk Slimiżi wieġbu “Dejjem warajna” b’referenza għall-kampjonat iktar li rebħu Sliema minn Floriana.
Il-blues kienu l-aħjar tim tul il-partita kollha b’diversi ċansijiet ta’ skor fejn anki laqtu darbtejn il-lasta. Sliema huwa l-uniku tim tal-Premier li għat-tielet staġun konsekuttiv żamm l-istess kowċ John Buttigieg u dan jagħti stabbiltà lill-iskwadra li dan l-istaġun hija ferm itwal minn dik tas-sena l-oħra. Għalihom lagħab għall-ewwel darba fl-attakk Younes Marzouk li iżda kellu debutt kwiet.
Il-kowċ ta’ Floriana Nicholas Chiesa ddeċieda li jibdel il-gowlkiper mill-aħħar partita fejn iż-żagħżugħ Matthew Grech ħa post Ini Aktpan bejn il-lasti Furjaniżi.
Sliema skurjaw fis-16-il minuta meta minn azzjoni li bdiet minn korner Furjaniż, Mattias MUCHARDI ħarab bil-ballun, qassam lil Jefferson li kellu x-xutt imblukkat, b’Muchardi jerġa’ jieħu l-ballun mitluf u jitfa’ fix-xibka.
Erba’ minuti wara Sliema reġa’ġiehom ċans ieħor meta wara trijangulazzjoni ma’ Younes Marzouk, Frank Temile kellu ħarba veloċi max-xellug, qassam għan-nofs iżda Clayton Failla kien puntwali u ġie minn wara biex tajjar f’korner qabel laħaq Jefferson. Man-nofs siegħa logħob Mattias Muchardi laqat il-mimduda minn free-kick imdawwar tajjeb mix-xellug.
Fit-tieni taqsima Floriana resqu biss qrib kwarta mit-tmiem meta x-xutt imkaxkar ta’ Ignacio Varela għadda ftit barra. Fl-aħħar għaxar minuti daħal jilgħab fl-attakk Slimiż Jean Paul Farrugia li għal ftit ma rduppjax il-vantaġġ Slimiż meta ħarab tajjeb wara li rċieva mingħand Temile iżda x-xutt tiegħu ġie mwaqqaf mil-lasta.
//= $special ?>