Lokali

Spettaklu ta’ torri tan-nar fil-Għargħur

Fl-għelieqi tal-Għargħur, dilettanti tal-Għaqda tan-Nar ‘San Bartilmew tal-Għargħur”, għaddejjin bl-aħħar preparamenti għal spettaklu tan-nar li se jsir nhar is-Sibt f’lejliet il-festa.

‘Prelude of Fire’ se jinkludi xow ta’ nar sinkronizzat kemm mill-ajru kif ukoll mill-art. Il-moħħ wara t-torri, li hu twil madwar għaxar sulari hu Roberto Gauci, li bl-għajnuna ta’ madwar tletin ruħ, itellgħu dan l-ispettaklu tan-nar sinkronizzat.

Bħal ħafna kmamar tan-nar oħra, ix-xogħol tan-nar jibda minn kmieni. Iżda din is-sena ix-xogħol beda ftit iktar tard mis-soltu peress li inħareġ permess għal estensjoni tal-kamra tan-nar ‘San Bartilmew Għargħur’ u għalhekk minħabba xi bini li sar in-nar għall-ispettaklu ta’ għada beda f’Jannar.

It-temp xejn stabbli li kellna f’dawn l-aħħar jiem, kellu impatt fuq il-ħidma ta’ dawn id-dilettanti.

‘Prelude of Fire’ se ssir nhar is-Sibt, lejlet il-festa fid-21.30. Imbagħad il-Ħadd, Net Television se jkun qed ixandar b’mod dirett mill-Għargħur permezz tal-Programm Forcina fejn filgħodu nsegwu l-quddiesa ta’ jum il-festa u filgħaxija toħroġ il-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Bartilmew.