Ewropa Internazzjonali Unjoni Ewropea

AĠĠORNATA: Summit urġenti tal-UE biex tiġi riżolta l-kriżi tad-Diciotti

Il-vapur Taljan għadu fil-port Sqalli jistenna ordnijiet

Wara pressjoni kbira mill-Viċi Prim Ministru Taljan Matteo Salvini, illum se jkun qed jitlaqqa’ summit informali tal-UE biex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni tal-bastiment Diciotti – il-vapur Taljan li ilu tliet ijiem sorġut fil-port ta’ Katanja bl-immigranti fuqu.

Skont sorsi mhux uffiċjali, huma biss Franza, l-Awstrija, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, il-Greċja u Malta l-pajjiżi li se jattendu għal din il-laqgħa informali.

Salvini qed jinsisti li dawn l-immigranti m’għandhomx jitniżżlu l-Italja. U tant qed iżomm sod, li saħansitra hedded li jirriżenja. Di Maio minn naħa tiegħu nsista li l-Movimento 5 Stelle lesti li jopponu kull finanzjament lill-EU jekk ma jkun hemm l-ebda żblokk fis-summit tal-lum.

Abbord id-Diciotti hemm 177 immigrant. U dalgħodu sar magħruf illi bdew strajk tal-ġuħ bħala protesta għall-mod kif qed jiġu trattati.

Intant, illum sar magħruf li l-Belġju ma jridx jieħu aktar immigranti li jkunu ġejjin mill-pajjiżi Afrikani. Dan qalu l-Ministru Theo Francken, li hu responsabbli mill-Ażil.