Sport Sport Ieħor

Valletta Futsal fiduċjużi li jistgħu jiksbu riżultati pożittivi fil-UEFA Futsal Champions League

(Ritratt: Martin Agius)

Atmosfera pożittiva fil-klabb ta’ Valletta hekk kif il-ġimgħa d-dieħla jilagħbu fi Grupp E tal-UEFA Futsal Champions League. Il-Beltin se jkunu qed jilagħbu kontra Futsamba Naas tal-Irlanda, Cosmos Tallinn tal-Estonja u l-ospitanti Veles tal-Maċedonja.

It-triq għal Valletta mhix waħda faċli hekk iċ-champions lokali se jilagħbu ma’ tliet timijiet li huma kollha champions ta’ pajjiżhom. Il-mira ta’ Valletta hi waħda ċara, dik li jikkwalifikaw għar-rawnd prinċipali tal-kompetizzjoni, iżda biex jagħmlu dan iridu li jispiċċaw rebbieħa tal-grupp.

It-tim Belti beda t-taħriġ tiegħu fl-10 ta’ Lulju u ħmistax wara waslu l-plejers barranin biex il-kowċ seta’ jaħdem aħjar. Mal-wasla ta’ Camilo Gomez fit-8 ta’ Awwissu, Xavier Saliba seta’ jaħdem bit-tim kollu, fejn fl-ewwel fażi tat-taħriġ iffoka fuq il-fiżika.

Saliba saħaq li huma bħala staff u plejers huma impjegati tal-klabb u għalhekk se jagħmlu minn kollox biex jgħollu isem il-klabb ta’ Valletta kemm jista’ jkun. Hu jemmen li Veles huma l-aktar tim diffiċli iżda qal li jara li t-tim ospitant għandu l-aktar logħba simili tagħhom.

Iċ-chairman ta’ Valletta Futsal Edward Bartolo qal li hekk kif intemm il-kampjonat, iltaqgħu mal-kowċis biex jibdew jippreparaw għal dawn l-impenji. Hu qal li l-objettiv hu li bħala klabb jaqtgħu figura tajba u sostna li jemmen li bis-setup li għandhom jistgħu jagħmluha.

Bartolo żied li huma kkonfermaw il-kowċis u l-iskwadra li wasslet biex rebħu l-kampjonat, filwaqt li żiedu plejers oħra barranin biex isaħħu l-iskwadra.

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tal-futsal f’pajjiżna, iċ-chairman ta’ Valletta qal li għalih l-akbar problema hi li l-klabbs ma għandhom l-ebda dħul, fejn saħaq li l-anqas għandhom premju finanzjarju jekk tirbaħ il-kampjonat jew dħul ta’ gate money.

Valletta għandhom bħalissa tmien plejers barranin, b’ħamsa minnhom jilagħbu mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżhom. Dawn huma l-Kolombjan Camilo Gomes, is-Serb Ninoslav Aleksic, il-Georgjani Buta Kakabadze, Tornike Bukia, Gia Nikvashvili. It-tliet barranin l-oħra huma l-Ispanjol Yeray Hernandez Gutierrez, il-Libjan Mohamed Elamari u t-Taljan Denis Di Maio.

L-impenji ta’ Valletta fil-UEFA Futsal Champions League

L-Erbgħa 29 ta’ Awwissu

Valletta v Cosmos                   5.30pm

Il-Ħamis 30 ta’ Awwissu

Futsambas Naas v Valletta   5.30pm

Is-Sibt 1 ta’ Settembru

Valletta v Veles                       8.00pm

Tags