Is-sewwieq tal-Mercedes Valtteri Bottas se jkollu jibda t-tiġrija tal-Belġju mill-aħħar filliera, wara li qabeż il-limitu ta’ komponenti neċessarji fil-magna tiegħu. Sewwieq ieħor li se jkollu jibda mill-aħħar postijiet se jkun Nico Hulkenberg ta’ Renault, konsegwenza tal-istess tibdil.
B’magna ġdida għad-dispożizzjoni, Mercedes għażlu li jibdlu s-sitt elementi tal-magna fil-power unit ta’ Bottas, biex b’hekk se jkollu penalità ta’ kull bidla li ultimament se titfgħu fuq wara.
“Jekk irrid nieħu magna ġdida se jkun hemm penalità iżda jiġri x’jiġri, Spa hu wieħed mill-aqwa postijiet li teħodha għaliex għandek fejn taqbeż ,” qal Bottas qabel ma kien hemm it-tibdil fil-magna.
Renault għamlu bidla kbira fil-karozza ta’ Hulkenberg u għalhekk għandu l-istess penalità bħal Bottas. Is-sentiment tal-Ġermaniż ma kienx l-istess bħal Bottas, fejn sostna li se jkun diffiċli biex jidħol fl-ewwel sitta jew sebgħa filwaqt li jemmen li t-tiġrijiet ta’ Spa u Monza se jkunu ta’ sfida għalihom.
“Jekk tibda minn wara tagħmilha aktar diffiċli. Ma nafx. Ma rridx ninstema negattiv, imma issa naraw x’jiġri u kif tmur it-tiġrija. Dejjem nippruvaw l-aħjar tagħna,” kompla Hulkenberg.
Is-sewwieq ta’ Renault Carlos Sainz se jkollu komponent mill-magna ġdid dik li tissejjaħ Internal Combustion Engine (ICE), filwaqt li s-sewwieq ta’ McLaren Stoffel Vandoorne se jkollu tliet komponenti tal-magna ġodda. Iż-żewġ sewwieqa se jevitaw penalità. Renault se jkunu qed jimmiraw li jżommu r-raba’ post fil-klassifika tal-kostrutturi.
//= $special ?>