Qorti

Jinżamm arrestat raġel li sawwat u daħal jisraq anzjan

Kevin Cacciattolo, raġel ta’ 42 sena residenti Birkirkara, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li ħebb u daħal jisraq anzjan ta’ 72 sena minn Naxxar.

Il-każ seħħ fit-2 t’Awwissu li għadda meta l-vittma, Anthony Anthony Buttigieg kien qed jiftaħ il-ħanut tiegħu qabel is-sebgħa ta’ filgħodu.

Meta Toni Buttigieg mar biex jiftaħ it-tabakkerija tiegħu fi Triq ix-Xatt tal-Imsida, Cacciattolo daħal fuqu armat b’arma li taqta’ u bil-ponta u talbu l-flus li kellu fil-post. Għal din l-aggressjoni, Toni waqaflu u wieġbu li ma jridx itih flus.

Kien hawnhekk li ż-żewġt irġiel spiċċaw fl-idejn, b’sid il-ħanut juża’ lasta li kellu fil-qrib biex jiddefendi ruħu. Min-naħa tiegħu, il-ħalliel ħadlu l-lasta minn idu u tah daqqa f’rasu biha stess.

L-aggressur kien ħarab minn fuq il-post, bil-vittma mixħut mal-art bi ġrieħi gravi. Minkejja dan, kameras tas-sigurtà fiż-żona kienu qabdu lil Cacciattolo fil-fatt javviċina l-ħanut, mingħajr għamad biex jgħatti l-identità tiegħu.

Iżda l–Ħamis li għadda, wara jiem ta’ investigazzjonijiet, il-Pulizija daru r-residenza tiegħu u arrestawh. Saret ukoll tfittxija fil-garaxx tiegħu.

Hu tressaq il-Qorti s-Sibt filgħodu, quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, fejn kien akkużat ukoll li hu riċediv.

Fid-dawl ta’ dan, il-Maġistrat ordna li Cacciattolo jinżamm arrestat, bl-akkużat jitlob li jingħata trattament biex jegħleb il-vizzju tad-droga.

Il-Maġistrat Bugeja ta struzzjonijiet lid-Direttur tal-Ħabs biex isiru verifiki dwar jekk hux minnu li hu għandu l-vizzju tad-droga u jekk iva, allura jingħata t-trattament meħtieġ.

AĠĠORNATA: Ħanut miksi demm wara hold-up fl-Imsida; il-ħalliel ħarab mill-post