Futbol Sport

Hibernians iwettqu rimonta fl-aħħar

(Ritratt: Domenic Aquilina)
Valletta jsofru t-tieni telfa tal-kampjonat

VALLETTA…………… 1    HIBERNIANS………… 2

Valletta: H. Bonello, S. Borg, S. Malano, M. Picciolo, J. Borg, M. Pena Beltre, J. Zerafa, I. Saleh, M. Alba, C. Gavrila (K. Nwoko 70’), M. Fontanella

Hibernians: A. Hogg, D. Vella (B. Kristensen 69’), N. Radejovic, J. Mbong, M. Dias, J. Degabriele, T. Ntow, J. Bezzina, A. Agius, I. Blazevic (T. Tabone Desira 81’) , A. Fonseca (N. Marcolino 46’)

Imwissija: J. Zerafa, I. Saleh, M. Alba, I. Blazevic

Skorjaw: M. Alba 56’ (V), N. Marcolino 79’, A. Agius 90’ (H)

Referee: Alan Mario Sant

Assistenti Referees: Mitchell Scerri, Jurgen Spiteri

Il-Mument Plejer tal-Logħba: Miguel Alba (Valletta)

Attendenza: 1482

Hibernians wettqu rimonta fl-aħħar għaxar minuti tal-logħba biex dawru telfa f’rebħa u taw liċ-champions Valletta t-tieni telfa konsekuttiva.

Għall-Beltin bla dubju bidu mill-iktar diffiċli f’dan l-istaġun hekk kif jidher li s-solidità difensiva li kienet arma prinċipali fl-istaġun li għadda issa spiċċat fix-xejn. Valletta urew titjib mill-prestazzjoni diżastruża li kellhom fl-ewwel ħarġa kontra Sliema, iżda minkejja dan m’għarfux iżommu l-vantaġġ prezzjuż li kellhom biex spiċċaw fuq in-naħa telliefa.

Il-logħba kienet mill-iktar interessanti speċjalment fit-tieni taqsima tagħha meta l-azzjonijiet kienu spissi bir-riżultat jinbidel kompletament fl-aħħar minuti. Valletta kellhom iktar mil-logħob iżda Hibernians kienu iktar diretti u kellhom l-aħjar ċansijiet fl-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima wara li Valletta marru minn fuq kellhom diversi ċansijiet biex jagħlqu l-logħba iżda kienu Hibs li baqgħu jemmenu fil-possibilitajiet tagħhom biex kisbu t-tliet punti bil-gowl rebbieħ fid-90 minuta.

Wara 12-il minuta ta’ studju tasal l-ewwel azzjoni perikoluża meta minn azzjoni ta’ korner ix-xutt ta’ Mbong ħabat ma’ sieq il-lasta. Wara xi xuttijiet mill-bogħod ta’ Malano, Andrei Agius u Alba, kien Picciolo fit-43 minuta li impenja lil Hogg b’xutt ċentrali.

Minuta wara Malano tilef ballun quddiem il-kaxxa tiegħu iżda irrimedja Bonello li wettaq save mill-aqwa fuq xutt ta’ Mbong. Mill-azzjoni ta’ wara Bonello salva fuq Blazevic u mir-rebound Dunstan Vella falla minn qagħda ideali.

Fit-tieni taqsima Blazevic reġa’ mpenja lil Bonello u mir-rebound is-sostitut Marcolini laqat ix-xibka minn barra. Fil-51 minuta l-ballun deher jaħbat ma’ id Steve Borg fil-kaxxa iżda r-referee ħalla l-logħob għaddej.

Fil-55 minuta Valletta wkoll jolqtu l-lasta fuq daqa ta’ ras ta’ Gavrila u minuta wara wasal il-gowl belti meta MIGUEL ALBA spara missila minn tarf il-kaxxa li ħalliet il Hogg iħares. Kien l-aħjar mument taċ-champions li iżda ma kinux kapaċi jagħlqu l-logħba.

Fit-73 minuta Hogg wettaq save diffiċli fuq daqqa ta’ ras ta’ Malano u mir-rebound Fontanella m’approfittax minn żewġ passi bogħod. L-istess Fontanella kien imċaħħad minn Hogg ftit wara f’azzjoni elaborata tal-Beltin.

Fid-79 minuta ballun fit-tul ta’ Hogg lejn Marcolino li kien antiċipat minn Steve Borg li d-daqqa ta’ ras tiegħu lura lejn Bonello kienet qasira u daħal MARCOLINO li qabbeż il-ballun minn fuq Bonello biex kiseb id-draw.

Issa l-logħba infetħet għal kull riżultat bil-Beltin forsi ifittxu iktar ir-rebħa iżda kienu kastigati fid-90 minuta. Andrei Agius qassam lejn Degabriele li mpenja severament lil Bonello li salva kif seta’ u mir-rebound kien l-istess ANDREI AGIUS li kien beda l-azzjoni, u daħal tajjeb u spara l-ballun fix-xibka.