L-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (il-UNHCR) sejħet biex il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jaqblu ‘b’urġenza’ li jaċċettaw uħud mill-150 immigrant li ilhom il-jiem miżmuma fuq il-bastiment ‘Diciotti’ tal-gwardjani tal-kosta Taljana. Dan waqt kwistjoni ġdida taħraq dwar l-immigrazzjoni bejn l-UE u l-Gvern populista tal-Italja.
L-għexieren tal-immigranti, f’dan il-każ, ilhom min-nhar it-Tnejn ‘iżolati’ fuq il-bastiment, fil-port ta’ Katanja. Is-sitwazzjoni, intant, iggravat għax i-Gvern Taljan qed jirrifjuta li jippermetti li l-immigranti jiżbarkaw mingħajr impenji mill-pajjiżi tal-UE biex jieħdu wħud minnhom.
L-Italja, jiem ilu, qalet li għandha żżomm il-finanzjament għall-UE bħala ‘kumpens’ f’każ li l-Unjoni tirrifjuta li tgħin bir-rilokazzjoni tal-immigranti fuq id-‘Diciotti’.
Intant, il-UNHCR qalet li l-istati-membri tal-UE għandhom, ‘mingħajr telf ta’ żmien’ joffru kenn lil xi immigranti ta’ dak il-bastiment. L-aġenzija anki insistiet mal-awtoritajiet Taljani biex jippermettu ‘għall-iżbark immedjat’ tal-immigranti abbord.
Madwar 12-il pajjiż, fosthom Malta, kien rappreżentat waqt summit ta’ emerġenza fi Brussell li ssejjaħ nhar il-Ġimgħa mill-UE. F’dan is-summit kienet diskussa fid-dettall ‘il-kwistjoni tal-iżbark tal-immigranti li jkunu salvati mill-baħar’, madankollu, ma nstabet ebda soluzzjoni immedjata għall-immigranti fuq id-‘Diciotti’.
Sadanittant, il-Viċi-Prim Ministru Taljan, Luigi Di Maio, kiteb fuq Facebook li ‘l-Unjoni Ewropea ddeċidiet għal darb’oħra li tagħti daharha lill-Italja.’ Dan meta l-immigrazzjoni għadha toħloq polemika kbira fl-Italja li, mill-2013 ‘il hawn, laqgħet mijiet ta’ eluf ta’ barranin li ħarbu mill-gwerer u l-persekuzzjoni fil-Lvant Nofsani, l-Asja u l-Afrika.
Ir-regoli tal-UE jesiġu biex ir-refuġjati jfittxu kenn fil-pajjiż li jaslu fih, iżda l-Gvern Taljan, ħafna drabi, mhux qed jaċċetta l-bastimenti bl-immigranti.
Intant, kelliema għall-Kummissjoni Ewropea qalu li kummenti u theddid bħal ta’ Di Maio ma jgħinux għal soluzzjoni. Huma qalu li filwaqt li ma ntlaħaqx ftehim fil-każ tad-‘Diciotti’ waqt is-summit fi Brussell, din ma kinitx laqgħa fejn kellhom jittieħdu d-deċiżjonijiet konkreti.
Madankollu, is-sorsi sostnew li r-rappreżentanti Ewropej fi Brussell iddiskutew il-ħtieġa għal soluzzjoni xierqa u ta’ malajr għall-immigranti abbord il-bastiment ‘Diciotti’, kif ukoll għal dawk li, fl-aħħar jiem, żbarkaw Spanja u Malta.
//= $special ?>
