Internazzjonali

Il-Papa jindirizza l-abbużi tal-kleru waqt żjara fl-Irlanda

Il-Papa Franġisku jinsab għaddej bi żjara ta’ jumejn fl-Irlanda fejn esprima ‘sens ta’ mistħija’ talli l-Knisja Kattolika naqset milli tindirizza bix-xieraq ‘l-abbuż sesswali’ minn xi membri tal-kleru.

Din hi l-ewwel żjara tal-Papa fir-Repubblika Irlandiża għal 40 sena u fejn tkellem dwar dan is-suġġett delikat fil-preżenza ta’ mexxejja politiċi u diplomati fil-Kastell ta’ Dublin.

Iż-żjara qed issir fi żmien il-Laqgħa Dinjija għall-Familji, li hi avveniment globali għall-Kattoliċi — bil-Papa qed jaħseb ukoll biex jiltaqa’ ma’ uħud mill-vittmi tal-imsemmi abbuż.

Fid-diskors tiegħu fil-Kastell ta’ Dublin, il-Papa qal li ‘ma jistax ma jirrikonoxxix l-iskandlu gravi ( fl-Irlanda) li jinvolvi l-abbuż ta’ tfal u żgħażagħ minn membri tal-Knisja li suppost li kienu responsabbli mill-protezzjoni u edukazzjoni tal-istess vittmi’.

Hu kompla li l-falliment tal-awtoritajiet ekklesjastiċi – fosthom isqfijiet u qassisin – biex jikkonfrontaw dawn ir-reati bir-raġun qed iqanqal l-għadab, filwaqt li jibqa’ sors ta’ uġigħ u mistħija għall-komunità Kattolika. Il-Papa anki għamilha ċara li ‘hu wkoll qed jaqsam dawn is-sentimenti’.

Aktar qabel, il-Prim Ministru Irlandiż, Leo Varadkar, qal li ‘il-fallimenti tal-Knisja, tal-Istat u tas-soċjetà ħallew wirt ikrah għal ħafna nies li qegħdin ibatu miċ-ċirkustanzi’. Hu talab lill-Papa ‘biex jisma lill-vittmi’ waqt li tenna l-ħtieġa għal ‘tolleranza zero fil-konfront ta’ min jabbuża lit-tfal jew jiffaċilita dan it-tip ta’ abbuż’.

Il-Knisja Kattolika fl-Irlanda hi involuta fi skandlu karatterizzat mill-ħabi ta’ abbużi sesswali tat-tfal mill-membri tal-kleru. Intant, Leo Varadkar qed jittama li din iż-żjara tal-Papa timmarka l-bidu ta’ kapitlu ġdid fir-relazzjoni tal-Irlanda mal-Knisja.

Mal-wasla tiegħu fl-Irlanda, il-Papa vvjaġġa lejn Aras un Uachtarain, ir-residenza tal-President tal-Irlanda, fejn ingħata merħba mill-President Michel D. Higgins, martu Sabrina u gwardja tal-unur militari.

L-Irlanda tallum, intant, hi Stat differenti mill-pajjiż li żar il-Papa Ġwanni Pawlu II, fl-1979 u meta seħħew bidliet notevoli fl-attitudni tal-pubbliku għall-issues soċjali bħad-divorzu, il-kontraċezzjoni u ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.

Il-Papa Franġisku, għada, itemm iż-żjara fl-Irlanda b’quddies għal nofs-miljun ruħ fl-inħawi ta’ Phoenix Park, f’Dublin.