Jekk is-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei hi waħda ta’ kriżi fir-rigward tas-sodod tant li aktar kmieni din il-ġimgħa kien hemm fis-seħħ ordni biex jinfetaħ il-kuridur tal-pediatrics biex fih jitpoġġew fuq strecthers pazjenti sakemm jinstabulhom sodod fis-swali, anki s-sitwazzjoni fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hi waħda fl-agħar livelli possibbli.
Pazjenti Għawdxin mhux biss qed jissoktaw jingħataw appuntamenti għal diversi xhur wara biex ikunu invistati minn konsulenti f’Għawdex stess, talli l-parir li qed jingħataw hu li kemm-il darba għandhom lil xi ħadd jista’ jirranġalhom, allura jagħmlu kuntatt miegħu biex hekk isirilhom arranġament biex l-appuntament ma’ konsulent isir qabel fl-Isptar Mater Dei f’Malta.
Fiċ-ċentru ta’ din it-tbatija kollha mhux biss il-pazjenti li għaddejjin mill-ħtieġa ta’ ċertu trattamenti, iżda pazjenti anzjani li mhux biss qajla jistgħu jistennew ix-xhur biex jarahom xi konsulent, iżda agħar minhekk biex jiġu Malta u jkunu invistati fl-Isptar Mater Dei.
Wara li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ma baqax immexxi direttament mill-Gvern u mar għand il-Vitals u sussegwentement għand Steward Health Care, il-kwalità tal-kura tas-saħħa lill-Għawdxin marret il-baħar b’mod immedjat. Iżda qatt daqs illum is-sitwazzjoni ma kienet daqstant akuta u mwiegħra fejn pazjenti qed ikunu kostretti jirrikorru għand il-privat għaliex huma konxji li fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex immexxi minn Steward Health Care mhux se jingħataw l-aħjar u l-aqwa trattamenti possibbli.
Kien hemm każijiet ripetuti fejn il-pazjenti, appena sarilhom intervent jew operazzjoni spiċċaw biex intbagħtu lura lejn darhom biex jissoktaw jieħdu l-kura minn hemmhekk.
Anki fir-rigward tas-sodod hemm problema serja ħafna tant li d-Day Care ta’ Għawdex qed jibqa’ miftuħ lejn u nhar biex jilqa’ fih il-pazjenti.
Is-sitwazzjoni hi aktar tat-tħassib meta anqas tobba biżżejjed fl-Isptar biex jaraw lill-pazjenti ma hemm u dan qed jikkawża inkonvenjenzi kbar mhux biss fost l-istaff mediku iżda aktar fost il-pazjenti.
Bosta kienu l-konsulenti li appena beda t-taħwid mill-Gvern dwar l-Isptarijiet, taw ir-riżenja tagħhom mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u dan b’detriment għall-istess pazjenti.
Illum f’bosta oqsma mill-aktar importanti ta’ kura tas-saħħa f’livell ta’ konsulenza mill-konsulenti, l-Għawdxin sfaw iltima mill-aktar servizzi importanti.
Ir-refuġju għal tali sitwazzjonijiet qed ikunu konsulenzi fil-privat jew inkella konsulenzi f’Malta.
Persuni li jservu fl-Isptar immexxi minn Steward jgħidulek li hemm persuni fit-Tmexxija tal-istess Sptar li aktar moħħhom biex isalvaw ġildhom u jidhru sbieħ u ħelwin mad-Diriġenza ta’ Steward milli mal-pazjenti Għawdxin.
Ċerti promozzjonijiet u ħatriet li ngħataw jikkonfermaw dan kollu… filwaqt li l-istess promozzjonijiet u ħatriet iservu biex tali persuni li ħaduhom jagħlqu ħalqhom u ma jkunux ta’ xkiel għal Steward Health Care f’Għawdex.
Konferma ċkejkna ta’ dan – u bħala eżempju iżolat – kienet l-esperjenza li għadda minnha raġel li għandu l-mara fil-bżonn kontinwu ta’ ħrieqi.
Din il-koppja ftit ilu mhux biss kienet mgħarrfa li ma hix se tibqa’ tingħata aktar ħrieqi għaliex kien hemm nuqqas serju ta’ ħrieqi, iżda kien suġġerit lilha li wara kollox aħjar tixtri l-ħrieqi li kellha bżonn għaliex il-kwalità disponibbli kienet waħda tassew inferjuri għal dawk provduti s-soltu lill-pazjenti.
Anki fir-rigward ta’ ċerti mediċini hemm problemi serji fis-sens li l-Isptar Steward ma baqax jipprovdi ċerti mediċini jew spiss ikunu out of stock, bil-pazjenti – bosta drabi bil-pensjoni – ikunu kostretti li jixtru l-istess mediċini mill-privat.
Naturalment dan id-diskors kollu ma jinżilx tajjeb la mal-Ministru Chris Fearne – kif ġara aktar kmieni din il-ġimgħa meta żvelajna sitwazzjoni ta’ kriżi fl-Isptar Mater Dei u kien pront ħareġ jiċħad il-verità pubblikata minna – u lanqas mal-Ministru Justyne Caruana, bin-nies tal-eks Ministru Anton Refalo jikkonfermaw diżastru fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hekk kif dan ma baqax aktar tal-Għawdxin.
//= $special ?>