Għal numru ta’ ġimgħat, l-istat ta’ Kerala fin-nofs in-nhar tal-Indja kien mifni b’għarar kawża tax-xita qalila li niżlet fl-istaġun magħruf bħala monsoon. Mijiet ta’ nies tilfu ħajjithom u eluf spiċċaw literalment b’xejn.
F’Malta insibu komunita’ ta’ madwar elfejn persuna ġejjin mill-istat ta’ Kerala. Minkejja li llum il-ġurnata jgħixu, jaħdmu u jistudjaw f’pajjiżna, xorta waħda dawn għad għadhom l-għeruq tagħhom f’Kerala, u aħbarijiet traġiċi bħal dawn iġegħeluhom iħossuhom aktar qrib ma’ familjari, ħbieb u persuni oħra li ħallew warajhom fl-Indja.
Il-komunita’ ta’ Kerala f’Malta ingħaqdet f’assoċjazzjoni bl-isem ta’ Malta Malayalee Association, u malli bdew jaslu l-aħbarijiet dwar dan l-għargħar, mill-ewwel bdiet il-ħidma biex il-komunita’ f’Malta tgħin lill-popolazzjoni milquta minn din it-traġedja.
Is-Sibt filgħodu kienet organizzata attivita’ ta’ ġbir ta’ fondi quddiem il-bini tal-Parlament fil-Belt, attivita’ karatterizzata mhux biss minn tqassim ta’ informazzjoni iżda ukoll żfin minn membri tal-komunita’ Indjana f’Malta.
Kif spjegat lilna minn rappreżentanti ta’ din l-assoċjazzjoni, l-popolazzjoni f’Kerala għandha bżonn flus b’mod immedjat biex il-familji jerġgħu jippruvaw jibnu mill-ġdid djarhom, u l-ħajja tagħhom b’mod ġenerali.
F’dawn l-aħħar jumejn, l-aħbarijiet li qed jaslu minn Kerala taffew xi ftit peress li x-xita naqset. Minkejja dan iżda l-appelli għall-għajnuna għadhom qawwija.
Il-komunita’ ta’ Kerala f’Malta qed tappella biex il-Maltin iwieġbu għal din is-sejħa ta’ għajnuna, għajnuna immirata biex il-madwar nofs miljun persuna affettwati mill-għargħar jerġgħu jibdew ħajjithom mill-ġdid b’dinjita.
//= $special ?>





