L-Aġenzija tal-Immigrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti qalet li l-Veneżwela riesqa lejn l-istess ‘mument ta’ kriżi’ fir-rigward tar-refuġjati bħalma kien seħħ fl-2015 fir-reġjun tal-Mediterran. It-twissija ngħatat waqt li l-ġirien tal-Veneżwela qed jippruvaw iwaqqfu l-moviment tan-nies li qegħdin jaħarbu mill-kriżi ekonomika f’dak l-istat Latin Amerikan.
Il-Peru` beda jaddotta regolamenti aktar stretti mal-fruntiera, wara li l-qorti ma aċċettatx it-tentattivi tal-Ekwador biex isaħħaħ il-kontrolli tiegħu (mal-fruntiera).
Dan meta ‘il fuq minn żewġ miljun Veneżwelan ħarab minn pajjiżu mill-2014 ‘il hawn meta l-Veneżwela tinsab tassew f’sitwazzjoni ekonomika ddisprata, fejn jispikka nuqqas ta’ ikel, mediċini u affarijiet bażiċi oħrajn.
Matul il-lejl tal-Ġimgħa u s-Sibt, mijiet ta’ Veneżwelani twasslu bix-xarabank mill-Ekwador għall-fruntiera tal-Peru` qabel skada d-‘deadline’ għal dawn il-movimenti. L-aħħar rapporti qalu li aktar minn 2,500 irnexxielhom jaqsmu għall-belt ta’ Aguas Verdes.
Fil-preżent, madwar 400,000 immigrant mill-Veneżwela qiegħed jgħix il-Peru`, u l-parti l-kbira tagħhom waslu f’dan il-pajjiż is-sena l-oħra. Ir-regoli ġodda li saru effettivi fil-Peru` jirrikjedu li r-residenti li jaqsmu għal dan il-pajjiż mill-Veneżwela jkollhom il-passaporti validi.
Qabel dan, il-Veneżwelani setgħu jaqsmu lejn il-Peru` bid-dokumenti tal-identità biss, u mingħajr il-ħtieġa tal-passaporti.
//= $special ?>

