Sport Waterpolo

Matthew Zammit jispikka f’rebħa ta’ karattru

(Ritratt: Matthew Tabone)

SIRENS GREENTUBE……………… 12

SAN ĠILJAN TUM INVEST………. 14

(2-3), (2-2), (3-3), (4-3), (1-1), (0-2)

Ir-rebħa ta’ San Ġiljan TUM Invest ikkonfermat il-qawwa tagħhom meta għelbu lil Sirens Greentube 14-12 wara l-ħin barrani biex rebħu l-ewwel logħba minn possibbiltà ta’ tlieta biex jinsabu eqreb lejn il-finali. Fl-assenza tal-kowċ Marko Orlovic u l-Kroat Paulo Obradovic, daħal lura wara xahar imweġġa’ Dino Zammit.

Iżda bla dubju li l-eroj tal-Ġiljaniżi kien il-captain Matthew Zammit li mexxa lit-tim iżda kien protagonist meta skorja sitt gowls b’xutt iktar b’saħħtu mill-ieħor. Wieħed ma jridx jinsa lill-Kanadiż Nicolas Bicari li spikka wkoll fejn skorja seba’ mit-12-il gowl tat-tim.

San Ġiljan rnexxielhom jirbħu l-ewwel sessjoni wara li wieġbu għal gowl inizjali ta’ Nicolas Bicari. Paul Fava u doppjetta ta’ Ben Plumpton dawru l-iskor, b’Marc Grech inaqqas id-distakk lejn tmiem is-sessjoni b’xutt fuq l-ewwel lasta.

Il-logħba żiedet aktar fit-tensjoni fit-tieni sessjoni, bl-istaff tekniku ta’ Sirens jipprotesta diversi għad-deċiżjonijiet arbitrali. Sirens għamlu l-iskor indaqs f’żewġ okkażjonijiet l-ewwel minn Edward Aquilina u Bicari. Iżda lob mill-isbaħ ta’ Matthew Zammit u gowl fl-aħħar disa’ sekondi tas-sessjoni ta’ Andreas Galea fisser li San Ġiljan daħlu jistrieħu 5-4 minn fuq.

Ben Plumpton ta vantaġġ doppju fil-bidu tat-tielet sessjoni, b’Sirens jitilfu l-kowċ Sasko Popovski li tkeċċa mir-referee Luca Castagnola għal protesti. Sirens baqgħu fil-logħba u reġgħu ġabu d-draw b’xutt tajjeb ta’ Clint Mercieca u t-tielet gowl ta’ Bicari.

Matthew Zammit għamilhom 7-6 b’xutt b’saħħtu iżda Bicari reġa’ ġab id-draw, madankollu kien penalty b’saħħtu tal-captain Zammit li wassal biex San Ġiljan bdew l-aħħar sessjoni 8-7 minn fuq.

Xutt potenti ieħor ta’ “Ix-xellugi” għamel l-iskor 9-7, iżda jekk Zammit kien fil-forma daqstant ieħor kien Bicari li skorja doppjetta. San Ġiljan reġgħu ħadu vantaġġ darbtejn iżda John Brownrigg u lejn it-tmiem Luke Caruana għamlu l-iskor 11-11. Kien 5.5 sekondi mit-tmiem li San Ġiljan ingħataw penalty iżda x-xutt b’saħħtu ta’ Matthew Zammit ġie mċaħħad mill-wieqfa biex il-partita għaddiet għall-ħin barrani.

Wara li fl-ewwel sessjoni Bicari skorja għal Sirens u Zammit skorja għal San Ġiljan, kien Andreas Galea li poġġa lil San Ġiljan fil-vantaġġ, biex fl-aħħar 20 sekonda, kien Dino Zammit li fir-ritorn tiegħu għalaq il-logħba mill-viċin.

Sirens: N. Grixti, P. Privitera, E. Aquilina (1), N. Bicari (7), M. Grech (1), I. Riolo, C. Mercieca (1), J. Sciberras, J. Napier, G. Sammut, L. Caruana (1), J. Brownrigg (1), G. Galea Curmi

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg (1), A. Galea (1), B. Grech, C. Farrugia, M. Zammit (6), B. Plumpton (3), Da. Zammit, T. Said, D. Ciantar, P. Fava (1), Di. Zammit (1), T. Micallef

Referees: Alex De Raffaele, Luca Castagnola