Futbol Sport

Napoli jdawru telfa f’rebħa b’rimonta mill-aqwa

(Ritratt: EPA)
Juventus jegħlbu lil Lazio 2-0 fl-Allianz Stadium

Napoli kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva fil-kampjonat meta għat-tieni logħba rebħu konfront dirett din id-darba kontra Milan 3-2 fi Stadio San Paolo. Għal Milan dan kien l-ewwel impenn tal-kampjonat.

Kienu Milan li fetħu l-iskor wara kwarta logħob meta Fabio Borini niżżel bir-ras lejn GIACOMO BONAVENTURA li b’ġest akrobatiku mill-kaxxa l-kbira għeleb lid-debuttant David Ospina. Milan irduppjaw fid-49 minuta meta Suso qassam lura lejn DAVIDE CALABRIA li b’xutt djagonali fil-baxx għeleb lil Ospina.

Reazzjoni immedjata ta’ Napoli li daħlu fil-logħba erba’ minuti wara meta ħadu vantaġġ minn żball difensiv, Marek Hamsik qassam vertikalment lejn Jose Callejon li qassam lejn PIOTR ZIELINSKI li b’xutt preċiż fil-baxx għar-rokna għeleb lil Donnarumma.

Napoli ġabu d-draw fis-67 minuta meta minn korner, id-difiża biegħdet il-periklu parzjalment iżda l-ballun spiċċa fid-direzzjoni ta’ PIOTR ZIELINSKI li b’xutt mill-ewwel għar-rokna għadda l-ballun taħt idejn Donnarumma.

It-tim ta’ Carlo Ancelotti skorja l-gowl tar-rebħa fit-80 minuta meta Allan mil-lemin sab lis-sostitut DRIES MERTENS bi kross fil-baxx li għadda tul il-lasta, bil-Belġjan jiskorja f’lasta vojta.

F’logħba oħra mistennija, iċ-champions Juventus ukoll kisbu t-tieni rebħa fil-kampjonat wara li għelbu lil Lazio 2-0 fl-Allianz Stadium. Għal Lazio din kienet it-tieni telfa wara li tilfu kontra Napoli ġimgħa ilu.

MIRALEM PJANIC iċċelebra t-tiġdid tal-kuntratt bit-tajjeb meta fetaħ l-iskor wara nofs siegħa logħob b’xutt mill-ewwel fil-baxx għar-rokna minn barra l-kaxxa. Juventus għalqu l-logħba kwarta mit-tmiem meta minn kross mil-lemin, Thomas Strakosha antiċipa lil Cristiano Ronaldo, bil-ballun jaħbat mal-Portugiż u għola fejn spiċċa fid-direzzjoni ta’ MARIO MANDZUKIC li xeħet f’lasta vojta.

Tags