Sport Waterpolo

Niki Lanzon iressaq lil Neptunes pass bogħod mill-finali

(Ritratt: Joseph Galea)

NEPTUNES LEO VEGAS………….. 8

SLIEMA FRANK SALT…………….. 7

(2-1), (1-0), (2-4), (3-2)

Gowl drammatiku ta’ Niki Lanzon ta l-ewwel rebħa lil Neptunes Leo Vegas biex b’hekk resqu pass eqreb li jaslu sal-finali. Konfront li fih seta’ jmur kull naħa b’Neptunes ikollhom bidu tajjeb iżda reazzjoni fit-tielet sessjoni ta’ Sliema dawret il-logħba.

Stevie Camilleri jibqa’ dejjem plejer perikoluż filwaqt li għal Sliema Christian Presciutti kellu partita kwieta hekk kif kien mgħasses tajjeb.

Neptunes fetħu tajjeb u marru 2-0 permezz ta’ Petar Muslim u xutt sabiħ ta’ Jordan Camilleri. Sliema naqqsu d-distakk bi ġmiel ta’ back hand mis-centre ta’ Zach Mizzi.

It-tim ta’ Jovan Popovic kien aktar kawt iżda konċentrat fil-logħob tiegħu fejn lanqas ikkonċedew man-up fit-tieni sessjoni. Sliema bdew isibuha diffiċli biex jiftħu lill-avversarji u dan wassal biex ma kellhomx okkażjonijiet ta’ kbar li jiskorjaw, b’Petar Muslim jiskorja l-uniku gowl tat-tieni sessjoni biex daħħal lil Neptunes 3-1 minn fuq.

Dak li deher diffiċli għal Sliema sar possibbli fit-tielet sessjoni hekk kif mhux biss daħlu fil-logħba iżda saħansitra marru minn fuq, bi tliet gowls minn Jerome Gabarretta, Mark Meli u Jamie Gambin fl-ewwel nofs tas-sessjoni.

Neptunes stenbħu fl-aħħar parti tas-sessjoni u ġabu d-draw darbtejn fl-aħħar minuta u nofs. L-ewwel kien Stevie Camilleri li għamel l-iskor 4-4, f’azzjoni li fiha ntwera l-karta l-ħamra Michael Cordina. Nicholas Bugelli għamilhom 5-4, iżda Miguel Zammit reġa’ ġab id-draw.

Neptunes marru darbtejn minn fuq fl-aħħar sessjoni b’żewġ xuttijiet ta’ Stevie Camilleri, iżda Sliema wieġbu fiż-żewġ okkażjonijiet minn rebound ta’ Christian Presciutti u Jamie Gambin, bil-logħba dehret li se tmur għall-ħin barrani. Iżda fl-aħħar azzjoni tal-logħba, kien il-captain Niki Lanzon li skorja b’sekonda u nofs għat-tmiem skorja l-gowl rebbieħ.

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (1), K. Erdogan, G. Pace, P. Muslim (2), N. Zammit, S. Camilleri (3), J. Camilleri (1), J. Abela, M. Zammit (1), J. Muscat, M. Azzopardi, J. Parnis

Sliema: J. Sammut, J. Gabarretta (1), C. Presciutti (1), J. Saliba, M. Meli (1), K. Dowling, M. Spiteri Staines, D. Fenech, M. Cordina, J. Gambin (2), Z. Mizzi (1), N. Bugelli (1), Z. Sciberras

Referees: Peter Balzan, Alessandro Severo

Marsaxlokk jirreżistu l-pressjoni finali

MARSAXLOKK BROWN’S……….. 7

MARSASKALA TRANSCRIPTA…. 6

(2-2), (2-1), (3-2), (0-1)

Iċ-champions Marsaxlokk Brown’s Pharmacy għamlu l-ewwel pass lejn il-finali meta rebħu l-ewwel logħba minn possibbiltà ta’ tlieta. Ir-rebħa tista’ titqies meritata hekk kif kien l-aktar tim li taħseb li seta’ jiskorja, iżda dan ma jnaqqas xejn mill-prestazzjoni ta’ Marsaskala.

Marsaxlokk kellhom iwieġbu darbtejn fl-ewwel sessjoni li ntemmet 2-2, b’Marsaskala jmorru darbtejn minn fuq permezz ta’ Rheinhard Attard u Jake Bajada rispettivament.

Ix-Xlukkajri ħarġu aħjar fit-tieni sessjoni u meritatament marru żewġ gowls minn fuq permezz ta’ penalty ta’ Norbert Hosnyanszky u Brian Buhagiar. Daniel Borg Millo naqqas id-distakk wara li skorja f’man-up maħdum tajjeb.

Gowl ta’ Michael Rizzo fit-tielet sessjoni deher li se jagħti vantaġġ importanti lil Marsaxlokk, iżda t-tim ta’ Pierre Borg billi ġab id-draw permezz ta’ Andrija Vlahovic u Jake Bajada. Madankollu reġa’ kien Michael Rizzo li skorja b’xutt li ħabat mal-lasta qabel daħal.

Marsaskala kienu aktar fuq l-offensiva mill-avversarji fl-aħħar sessjoni, bit-tama li jsalvaw il-logħba. Huma rnexxielhom jiskorjaw minn penalty ta’ Vlahovic, deċiżjoni li qajmet diversi protesti mill-kowċ ta’ Marsaxlokk Joe Cremona. Minkejja li kien għad fadal madwar tliet minuti għal tmiem il-logħba, Marsaskala ma sabux il-gowl li tal-anqas jisforza l-logħba għall-ħin barrani.

Jekk Marsaxlokk jirbħu l-Erbgħa li ġej, javvanzaw għall-finali tal-play-offs kontra Birżebbuġa.

Marsaxlokk: R. Coleiro, C. Spiteri Debarro (1), L. Calleja, C. Bonello, C. Gialanze, N. Hosnyanszky (1), J. Galea, M. Rizzo (3), B. Buhagiar (1), R. Scerri, M. Pace, O. Zammit, K. Lanzon

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, J. Borg, D. Borg Millo (1), A. Vlahovic (2), L. Grixti, K. Navarro, J. Busuttil, J. Bajada (2), C. Mifsud, D. Cassar, R. Attard (1), J. Cremona

Referees: Ronnie Spiteri, Luca Castagnola

(Ritratti: Joseph Galea)