Internazzjonali

Titħassar iż-żjara ta’ Pompeo fil-Korea ta’ Fuq

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, mhux se jivvjaġġa lejn il-Korea ta’ Fuq komunista fil-jiem li ġejjin, wara li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, talbu biex jipposponi dan l-impenn.

Il-President Trump, intant, qed jgħid li ma sarx il-progress mixtieq lejn id-diżarm tal-programm nukleari tal-Korea ta’ Fuq. Dan waqt li Trump qed itenni li ċ-Ċina mhix tagħmel pressjoni fuq il-Korea ta’ Fuq minħabba t-tensjoni attwali bejn Beijing u Washington dwar aspetti ta’ kummerċ.

Wara s-summit storiku li kellu f’Ġunju mal-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, Trump qal li l-Istat komunista ‘ma kienx għadu theddida nukleari’.

Iżda minn dak iż-żmien ma naqsux ir-rapporti li l-Korea ta’ Fuq ma kenitx qed iżżarma l-programm nukleari tagħha skont l-impenji ta’ Kim waqt is-summit. Anki l-IAEA – l-aġenzija nukleari tan-Nazzjonijiet Uniti – qed tgħid li l-Korea ta’ Fuq, fil-fatt, qed tkompli bl-attivitajiet nukleari.

Is-Segretarju Pompeo suppost li kellu jżur Pyongyang il-ġimgħa d-dieħla u fejn kellu jieħu miegħu lil Stephen Biegun, li għadu kemm inħatar rappreżentant speċjali tal-Istati Uniti għall-Korea ta’ Fuq.

Din kienet tkun ir-raba’ żjara tas-Segretarju tal-Istat Amerikan, għalkemm ma jidhirx li l-programm ta’ din iż-żjara kellha tinkludi laqgħa (fi Pyongyang) bejnu u Kim Jong-un.