Lokali

Allegat abbuż sesswali fl-MCAST – Sena wara r-rapport jispiċċa għand il-Pulizija

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni kien jaf bil-każ xhur qabel il-Pulizija

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet dwar allegat abbuż sesswali fi ħdan l-MCAST filwaqt li huwa mifhum li hemm preżenti inkjesta interna rigward dawn l-allegati abbużi mwettqa minn lecturers fi programm speċjalizzat għal studenti b’ċertu diffikultajiet.

Dan żveltu l-ġurnal The Sunday Times of Malta hekk kif sorsi spjegaw li numru ta’ lecturers diġà bdew jiġu interrogati mill-Pulizija. Allegatament dawn l-abbużi, li seħħew qabel Ġunju tal-2017, ħarġu fid-deher wara li l-ġenituri tal-istudenti għamlu rapport lill-kulleġġ, liema rapport allegatament għadda taħt idejn l-amministraturi u l-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Madanakollu, l-ġurnal The Sunday Times of Malta spjega li l-inkjesta formali dwar dan il-każ infetaħ madwar xahar ilu flimkien ma’ rapport uffiċjali lill-Pulizija. F’Ġunju li għadda l-President tal-Kulleġġ preżenti Frank Schembri kien ħa post Silvio De Bono filwaqt li James Calleja ħa post Stephen Cachia bħala prinċipal.

Fil-jiem li għaddew it-Times of Malta żvelat li uffiċjal għoli tal-Kulleġġ inħareġ fuq ‘forced leave’ mal-bidu tal-inkjesta. Dan hekk kif allegatament saru numru ta’ akkużi fil-konfront ta’ dan l-uffiċjal rigward atti diskriminatorji fejn jidħlu ‘promotions’ u deċiżjonijiet allegtament immotivati mill-kulur politiku.

Madanakollu hemm il-possibiltà li din id-deċiżjoni ttieħdet b’rabta ma’ dawn l-allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali minħabba l-fatt li sabiex ġiet infurmata l-Pulizija b’dan kollu kellha tgħaddi sena. Meta kien ġie kkuntattjat mill-ġurnal imsemmi, l-ex Chairman tal-MCAST Silvio DeBono saħaq li kien jaf b’dawn l-allegazzjonijiet iżda insista li l-passi meħtieġa kienu ttieħdu. Huwa kompla jinsisti wkoll li ankè l-Ministeru tal-Edukazzjoni kien konxju ta’ dawn l-allegazzjonijiet gravi li kienu qed isiru.

Matul ix-xahar li għadda, l-Ministeru tal-Edukazzjoni kien ħabbar li ħatar bord ta’ inkjesta, immexxija mill-konsulent finanzjarju Paul Bonello, sabiex jinvestigaw ċertu allegazzjonijiet deskritti bħala ta’ natura amministrattiva, mingħajr ma’ żvela xejn dwar xiex, għajr li kienu ta’ natura kriminali dwar uffiċjal għoli tal-MCAST.

Bonello diġà mexxa inkjesta oħra taħt l-osservazzjoni tal-Ministru Evarist Bartolo – fejn stabilixxa li l-ex canvasser tal-Ministru, Edward Caruana, kien qed jabbuża mill-fondi pubbliċi allokati għall-Fondazzjoni tal-Iskejjel ta’ Għada.

L-ex chairman tal-Fondazzjoni, Philip Rizzo, kien irreżenja, l-għaliex akkuża li l-Ministru Evarist Bartolo għamel xhur jiprova jikkonvinċieh sabiex ma jirraportax lill-canvasser tiegħu lill-Pulizija. Dak iż-żmien il-Ministru kien ġab l-iskuża li qabel ma jgħaddi l-informazzjoni kollha lill-Pulizija ried ikollu evidenza ċara.

Sitwazzjonijiet u kumbinazzjonijiet ta’ dewmien li jġagħluk titħasseb jekk hemmx aktar stejjer mitfugħha taħt it-tapit, ‘il bogħod mill-attenzjoni tal-Pulizija.