Futbol Sport

Chelsea u Watford jibqgħu b’punti massimi

Il-bidu pożittiv ta’ Maurizio Sarri fit-tmexxija ta’ Chelsea kompla hekk kif rebħu wkoll it-tielet logħba fil-Premier League, din id-darba wara li għelbu 2-1 lil Newcastle f’St. James’ Park. Ir-rebħa ta’ Chelsea ma waslitx ukoll bi ftit kontroversja.

Huma marru fil-vantaġġ fis-76 minuta meta ngħataw penalty għal fawl fil-kaxxa fuq Marcos Alonso. Mill-11-il metru Eden Hazard għeleb lil Martin Dubravka li seta’ biss imiss il-ballun. Ir-reazzjoni ta’ Newcastle waslet fit-83 minuta meta minn kross mil-lemin, daħal tajjeb Joselu li għeleb lil Kepa Arrizabalaga b’daqqa ta’ ras fuq l-ewwel lasta. Chelsea protestaw għal daqqa ta’ minkeb fuq Olivier Giroud.

Iżda Chelsea skorjaw il-gowl tar-rebħa tliet minuta wara b’xutt ta’ Alonso li kien imxellef minn De Andre Yedlin u daħal bilmod fix-xibka.

Watford evitaw ħasda tard fil-logħba biex rebħu 2-1 kontra Crystal Palace. B’hekk huma għadhom punti massimi u għall-ewwel darba fl-ogħla diviżjoni rebħu t-tliet logħbiet tagħhom.

Roberto Pereyra fetaħ l-iskor fit-53 minuta b’xutt mil-linja tal-kaxxa l-kbira għar-rokna, biex Jose Holebas skorja minn tarf il-kaxxa fuq ix-xellug meta qabbeż il-ballun fuq it-tieni lasta.

Crystal Palace kienu mċaħħda minn Ben Foster diversi drabi fl-ewwel taqsima. Kien 12-il minuta mit-tmiem li Palace skorjaw b’azzjoni maħduma tajba mix-xellug, b’Wilfried Zaha jgħaddi l-ballun minn taħt saqajn Foster, biex b’hekk sar l-aħjar skorer ta’ Crystal Palace fil-Premier League. Fl-aħħar azzjoni tal-logħba, Palace għal ftit ma ġabux id-draw b’daqqa ta’ ras ta’ Joel Ward minn korner tgħaddi ftit barra.

Fil-logħba l-oħra, Aleksandar Mitrovic skorja doppjetta fi ftit ħin fl-ewwel taqsima, kienet strumentali hekk kif Fulham għelbu lil Burnley 4-2 biex kisbu l-ewwel rebħa fil-Premier League. Fulham dehru l-aħjar tim mill-bidu tal-logħba b’gowl mill-isbaħ ta’ Jean Michael Seri fl-ewwel tliet minuti, minkejja li Jeff Hendrick ġab id-draw fl-10 minuta.

Mitrovic għamel l-iskor 2-1 fis-36 minuta biex żewġ minuti wara rdoppja l-vantaġġ. Burnley reġgħu tefgħu l-pressjoni b’gowl mill-viċin ta’ James Tarkowski fl-40 minuta. Fulham għalqu l-logħba fit-83 minuta b’gowl ta’ Andre Schurrle, biex b’hekk Burnley ilhom tmien logħbiet fil-kampjonat mingħajr rebħa.