Il-Prim Ministru Joseph Muscat irrifjuta li jgħid x’riżultati kiseb pajjiżna minn laqgħa urġenti li saret fi Brussell dwar l-immigrazzjoni.
Il-laqgħa li saret aktar kmieni din il-ġimgħa kellha l-immigrazzjoni bħala suġġett ewlieni għad-diskussjoni. Dan b’mod partikolari wara l-kwistjoni tal-bastiment Diciotto li għal jiem sħaħ ma tħalliex jiżbarka fl-Italja.
Meta kien qed jitkellem f’intervista mxandra fuq l-istazzjon tar-radju Laburista ONE, il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li ma jgħidx x’ħareġ minn din il-laqgħa.
“U anke meta kien hemm laqgħa din il-ġimgħa fi Brussell li ddiskutiet din l-issue tal-immigrazzjoni. Jien ma nistax, u m’għandix noqgħod ngħid x’intqal.”
Muscat qal li ma jistax jgħid x’intqal għax inkella jkun qed imur kontra l-ispirtu tar-rappreżentanti ta’ Malta li attendew il-laqgħa u xi ftehmu mal-partijiet Ewropej l-oħra.
Imma opinjonisti li tkellmu ma’ NET News wara l-intervista li saret ma’ Joseph Muscat, interpretaw il-kummenti tiegħu bħala konferma tal-falliment li pajjiżna jirnexxielu jikkonvinċi lill-Unjoni Ewropea biex ikollha sehem ikbar fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
L-Erbgħa li għadda, f’Malta ddaħħlu 100 immigrant. Dan il-grupp, li wasal abbord il-patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta P52 kien it-tielet każ ta’ immigranti li waslu Malta fi ftit jiem hekk kif qablu daħlu żewġ gruppi oħra – ta’ 61 persuna u 35 persuna.
Apparti dawn il-madwar 200 immigrant irregolari li daħlu Malta f’ġimgħa waħda biss, pajjiżna għadu qed iżomm ukoll parti mill-immigranti li kienu daħlu Malta f’Ġunju li għadda abbord il-bastiment Lifeline – u dan wara li l-Gvern Taljan baqa’ ma’ ħax l-ammont ta’ immigranti li kien qal li se jieħu minn pajjiżna.
//= $special ?>