Lokali

‘Il-Gvern f’konfużjoni biex jgħid xi proċedura ntużat għall-kuntratt tal-estensjoni f’San Vinċenz’ – il-PN

Jgħid x’jgħid il-Partit Laburista u l-midja tiegħu, l-Gvern spiċċa f’konfużjoni sabiex jispjega l-proċedura li ntużat fl-għoti tal-kuntratt tal-estensjoni ta’ 500 sodda f’San Vinċenz. Dan speċjalment meta l-Ministeru tal-Finanzi ġie rrappurtat fil-midja jgħid li lanqas kien jaf bil-€274 miljun għal din l-estensjoni, li għad trid tinbena.

Il-Partit Nazzjonalista qal dan fi stqarrija fejn qal li minflok jagħżel li jwieġeb, il-Gvern spiċċa jattakka u l-istess Gvern li jgħajjar lill-Oppożizzjoni negattiva qed ikun negattiv hu. Minflok in-nies qed jistennew sistema ta’ għoti ta’ kuntratti li tkun waħda trasparenti u li l-kuntratti pubbliċi jingħataw skont il-proċeduri u skont il-liġi. L-Oppożizzjoni qed twassal dawn il-mistoqsijiet tan-nies sabiex issir l-investigazzjoni fuq din l-estensjoni.

Għalhekk l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-għoti ta’ dan il-kuntratt għaliex jeħtieġ li tiġi kjarifikata l-proċedura li l-Gvern uża u jekk mexiex skont il-liġi u dan b’rispett sħiħ lejn it-trasparenza u l-governanza tajba. Dan għaliex sal-lum, il-Gvern wieġeb biss b’sensiela ta’ stqarrijiet mimlijin konfużjoni li ma jaqblux bejniethom jekk dan kienx fil-fatt direct order jew le.

L-Oppożizzjoni qalet li ma tikkritikax il-kuntratturi jew lin-negozjanti anzi trid li jibqgħu jkabbru l-investiment u l-ekonomija, iżda se tibqa’ tkun viġilanti fuq il-ħidma kollha tal-Gvern u fejn ikun hemm it-tgerfix se tibqa’ titlob lill-Awtoritajiet sabiex jinvestigaw. Huwa fid-dawl tat-tgerfix min-naħa tal-Gvern li l-Awditur Ġenerali qed jintalab jinvestiga l-kuntratt biex stabbilit xi proċedura ntużat għat-tmexxija ta’ din l-estensjoni fil-kumpless tal-anzjani f’San Vinċenz.