Wasal iż-żmien li nikkunsidraw il-‘pick-pocketing’ bħala kriminalità organizzata aktar milli sempliċi reat. Dan saħqu ma’ The Malta Independent on Sunday l-Isptettur Kurt Zahra mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali hekk kif insista li dawn it-tip ta’ reati qed jitwettqu minn kriminalità organizzata.
Huwa insista li fil-maġġoranza tal-każi dawk il-persuni arrestati f’Malta b’rabta ma’ dawn ir-reati ġejjin mil-Lvant tal-Ewropa, li normalment jqattgħu ftit ġimgħat f’pajjiżna sabiex il-flus li jkunu serqu jtellgħuh magħhom lura lejn il-familja tagħhom f’pajjiżhom jew saħansitra jmorru pajjiż ieħor ikomplu jisirqu.
Zahra insista li fil-maġġoranza tal-każi dawn ir-reati jseħħu qalb il-follol tan-nies speċjalment Tas-Sliema, il-Belt Valletta u dan l-aħħar ankè fuq il-Monti ta’ Marsaxlokk. Għaldaqstat, spjega l-Ispettur Jonathan Ransley, numru ta’ Pulizija pajżana qed iduru f’dawn il-lokalitajiet bil-għan li jaqbdu l-ħallelin fil-fatt, bħal ma’ diġà seħħ numru ta’ drabi fl-aħħar xhur.
Kurt Zahra insista jgħid li l-kriminali jwettqu dawn ir-reati bi ħsieb ċar, hekk kif ħafna mill-vittmi jkunu turisti u mhux Maltin. Dan sabiex, kompla jfisser l-ispettur, il-ħallelin ikunu jistgħu jaħarbu mingħajr ma’ l-vittma jkollha idea fejn tfittixhom.
Filwaqt li spjega li l-Pulizija Maltija taħdem id f’id mal-Europol f’dawn il-każijiet Zahra sostna li dawn il-persuni jipprovaw iqarqu bl-awtoritajiet hekk kif jagħmluha taparsi huma nies fil-bżonn u għalhekk jisirqu. Fil-verità fil-maġġoranza tal-każi, grazzi għal pick-pocketing dawn jispiċċaw jgħixu ħajja lussuża f’pajjiżhom – fatt li rah quddiem għajnejh meta żar villaġġ partikolari fil-Lvant tal-Ewropa.
L-ispettur Jonathan Ransley spjega ma’ The Malta Independent on Sunday li apparti kartieri, jinsterqu wkoll mobiles, li meta jipprovaw isibuhom permezz ta’ ‘tracking’ tkun ferm diffiċli l-għaliex iżżommuhom mitfija għal tul ta’ żmien. Wara aktar investigazzjonijiet ħareġ fid-deher li dawn il-mobiles jittieħdu ‘il barra minn xtutna – madanakollu, iċċara li dan iż-żmien spiċċa aktar eħfef tisraq flus kontanti milli oġġetti personali minħabba s-sempliċi fatt li diffiċli ssibhom.
L-ispettur Zahra sostna li madanakollu dawn ir-reati tul ix-xhur reġgħu bdew jonqsu. Meta mistoqsi x’jaħseb li hija r-raġuni wara dan kollu huwa insista li hemm ċans li l-kriminali qed jirrealizzaw dwar il-konsegwenzi li wieħed irid iħabbat wiċċu magħhom jekk jinqabdu. Huwa insista li l-moviment liberu tal-persuni madwar l-Ewropa hija xi ħaġa tajba madanakollu, konsegwenza t’hekk hija inevitabbli li kriminalità ta’ din ix-xorta tiżdied.
Huma saħqu li l-pubbliku għandu jafda l-investigazzjonijiet tal-Pulizija f’dawn il-każijiet u javviċinawhom b’kull informazzjoni possibli. L-omertà u s-silenzju ma jwasslu għal imkien ħlief li tiżdied il-kriminalità u pajjiżna jkompli jsir anqas sigur għaċ-ċittadini Maltin u t-turisti. Jekk persuna tiġiha suspett hija mħeġġa tavża lill-Pulizija minnufih.
//= $special ?>