Internazzjonali

Imut is-Senatur Amerikan John McCain

Is-Senatur John McCain

John McCain, senatur Amerikan u kandidat għall-Presidenza Amerikana, miet fis-sigħat li għaddew fir-residenza tiegħu fl-istat ta’ Arizona. McCain kien qed jissielet ma’ kanċer fil-moħħ u miet fl-eta’ ta’ 81 sena. Il-mewt tiegħu tħabbret ftit sigħat biss wara li sar magħruf li kien waqqaf it-trattamenti kollha għal kontra l-kanċer.

Imwieled fl-1936, John McCain għamel karriera fil-militar fejn iġġieled għal pajjiżu fil-gwerra tal-Vietnam. Fl-1967, l-Ajruplan tiegħu kien twaqqa’ fuq Hanoi u qatta’ ħames snin bħala priġunier tal-gwerra fejn kien ukoll ittorturat.

Wara li kien meħlus fl-1973, McCain beda l-karriera politika tiegħu fejn kien elett għall-ewwel darba fil-Kungress Amerikan mar-Repubblikani fl-1982. Erba’ snin wara, hu kien elett fis-Senat, u baqa’ jkun konfermat fil-kariga sa mewtu.

McCain għamel żewġ kampanji għall-Presidenza Amerikana, fl-2000 hu ma rnexxielux jirbaħ in-nomina tal-Partit Repubblikan li marret għand George W Bush. Fl-2008 McCain irnexxielu jirbaħ in-nomina tal-partit tiegħu iżda mbagħad tilef l-elezzjoni Presidenzjali mal-kandidat tal-Partit Demokratiku Barack Obama.

John McCain jibqa’ mfakkar ukoll għad-diversi okkażjonijiet fejn mar kontra l-linja tal-partit tiegħu. Sa mill-bidu nett fil-karriera politika tiegħu ma kienx jiddejjaq jgħid u jivvota kontra affarijiet li ma jaqbilx magħhom fosthom l-intervent Amerikan fil-Libanu propost mill-President Ronald Reagan. Min-naħa l-oħra hu kien qabel u appoġġja l-invażjoni tal-lraq proposta mill-President George W Bush fl-2003. Fl-awtobijografija tiegħu, hu kien stqarr li dik l-invażjoni kienet żball u refa’ r-responsabbilta’ għas-sehem tiegħu f’dik id-deċiżjoni żbaljati.

Iżda l-iktar kritika interna ħarxa kienet fil-konfront tal-President attwali Donald Trump. F’Lulju tal-2017, il-vot ta’ John McCain kontra l-pjan ta’ Trump biex jirtira l-liġi dwar is-servizz tas-saħħa li kien daħħal il-President Obama kien kruċjali biex il-liġi ta’ Trump ma’ tgħaddix.

Kien kritiku wkoll għall-wirja ta’ Donald Trump fis-summit mal-President Russu Vladimir Putin fejn iddeskrivieha bħala “waħda mill-iktar wirjiet tal-mistħija ta’ kull żmien minn President Amerikan.”

Il-familja ta’ McCain qalet li s-Senatur ilu jippjana l-funeral tiegħu sa minn meta ingħata id-dijanjosi medika tal-kanċer aggressiv fil-moħħ. L-eks Presidenti u rivali tiegħu George W Bush u Barack Obama huma mistednin għall-funeral iżda l-familja għamlitha ċara li Donald Trump mhux mistieden.

John McCain kien żar Malta darbtejn. F’Diċembru tal-2008 u f’Settembru tal-2011 waqt il-ġlied li kien għaddej fil-Libja biex jitneħħa r-reġim tal-Kurunell Muammar Gaddafi.