Fost l-aktar riżultat sorpriża tat-tieni ġurnata, Inter baqgħu ma rebħux meta tilfu vantaġġ doppju u kellhom jikkuntentaw b’punt kontra Torino. Spal fuq in-naħa l-oħra rnexxielhom jiksbu t-tieni rebħa minn żewġ logħbiet. Fiorentina u Genoa rebħu fl-ewwel impenn tagħhom fil-kampjonat filwaqt li Udinese u Sassuolo għadhom mhux megħluba. Chievo u Sampdoria flimkien ma’ Lazio u Milan għadhom l-uniċi bla punti.
CAGLIARI – Sassuolo salvaw punt lejn it-tmiem fi draw ta’ 2-2 kontra Cagliari f’Sardenja. LEONARDO PAVOLETTI fetaħ l-iskor fl-10 minuta b’daqqa ta’ ras tajba wara kross mix-xellug. Sassuolo ġabu d-draw fit-53 minuta b’xutt mill-viċin ta’ Domenico Berardi.
Cagliari reġgħu marru fil-vantaġġ għal darba oħra permezz ta’ LEONARDO PAVOLETTI, iżda fil-ħin miżjud, Sassuolo ngħataw penalty wara li Marlon mess il-ballun b’idu, f’azzjoni li ntwera wkoll it-tieni karta safra. Mill-11-il metru, KEVIN PRINCE BOATENG għeleb lil Alessio Cragno biex skorja l-ewwel gowl fir-ritorn tiegħu fis-Serie A.
FIRENZE – Bidu tajjeb għal Fiorentina li ddebuttaw fil-kampjonat b’rebħa kbira ta’ 6-1 fuq Chievo. Huma ħadu biss tmien minuti biex marru fil-vantaġġ b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa ta’ NIKOLA MILENKOVIC li spiċċa fis-saqaf tax-xibka. GERSON irdoppja fit-42 minuta meta skorja mill-viċin f’azzjoni li d-difiża ta’ Chievo naqset li tbiegħed il-periklu.
It-tim ta’ Stefano Pioli fetaħ b’mod pożittiv it-tieni taqsima u għamluhom 3-0 b’daqqa ta’ ras ta’ MARCO BENASSI wara kross ta’ Giovanni Simeone. L-iskor sar 4-0 fil-71 minuta b’gowl minn tarf il-kaxxa ż-żgħira tal-lemin ta’ FEDERICO CHIESA.
Chievo naqqsu d-distakk ħames minuti wara b’daqqa ta’ ras minn korner ta’ NENAD TOMOVIC li kif skorja għamel is-sinjal tan-numru 13 b’ġest lejn Davide Astori li miet f’Marzu li għadda.
Fiorentina għalqu l-logħba b’żewġ gowls lejn it-tmiem, l-ewwel b’xutt fil-baxx ta’ MARCO BENASSI u ftit wara b’xutt ieħor fil-baxx ta’ GIOVANNI SIMEONE wara azzjoni maħduma tajba.
TURIN – Frosinone u Bologna ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ mingħajr gowls f’logħba li ntlagħbet bil-bibien magħluqa. Ċans tajjeb għal Bologna FIS-16-il minuta wara li Blerim Dzemaili avvanza waħdu lejn il-kaxxa, iżda x-xutt kien fjakk u blokkat minn Marco Sportiello. Okkażjoni tajba għal Frosinone fis-66 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Raman Chibsah tispiċċa barra minkejja li kien waħdu fil-kaxxa.
GENOVA – Genova fetħu l-impenji tagħhom fil-kampjonat b’rebħa ta’ 2-1 fuq Empoli. Huma marru fil-vantaġġ wara sitt minuti meta Domenico Criscito krossja mix-xellug lejn KRZYSZTOF PIATEK li skorja b’xutt mill-ewwel mill-kaxxa l-kbira.
L-iskor sar 2-0 fit-18-il minuta meta CHRISTIAN KOUAME rċieva ballun vertikali u b’xutt b’saħħtu għar-rokna għeleb lil Pietro Terracciano. Empoli naqqsu d-distakk fil-ħin miżjud b’SAMUEL MRAZ jantiċipa l-ħarġa ta’ Federico Marchetti wara kross mil-lemin, iżda ma kienx fadal ħin biex isalvaw il-konfront.
MILAN – Inter naqsu li jiksbu l-ewwel rebħa tal-kampjonat wara li spiċċaw 2-2 kontra Torino. Inter kienu jinsabu żewġ gowls minn fuq fl-ewwel taqsima, iżda fit-tieni 45 minuta sofrew ir-rimonta tal-avversarju li tjiebu biex mhux biss ġabu d-draw iżda wkoll kellhom xi tentattivi li setgħu skorjaw il-gowl tar-rebħa.
Inter fil-vantaġġ wara sitt minuti meta Mauro Icardi krossja fil-baxx mil-lemin u sab lil IVAN PERISIC li b’xutt b’saħħtu bil-lemin għeleb lil Salvatore Sirigu. It-tim ta’ Spalletti kien aħjar mill-avversarji u meritatament irdoppja fit-32 minuta bi free-kick ta’ Matteo Politano fil-kaxxa, bid-difensur STEFAN DE VRIJ jogħla tajjeb biex għeleb lil Sirigu b’daqqa ta’ ras.
Torino ħarġu aħjar fit-tieni taqsima u naqqsu d-distakk fil-55 minuta meta minn ballun fit-tul, ANDREA BELOTTI antiċipa l-ħarġa difettuża ta’ Samir Handanovic u skorja f’lasta vojta. Inter baqgħu ma wettqu l-ebda reazzjoni u ma kinitx sorpriża li Torino ġabu d-draw fit-68 minuta b’xutt fil-baxx minn pożizzjoni ċentrali ta’ SOUALIHO MEITE li ħabat u qarraq b’Handanovic li seta’ biss imiss il-ballun li ħabat mal-lasta qabel daħal.
Fl-aħħar minuti Inter żiedu l-pressjoni bl-aħjar ċans li kellhom kien fit-93 minuta bi kross tajjeb tas-sostitut Lautaro Martinez lejn Mauro Icardi li prova mill-ewwel iżda t-tentattiv tiegħu għadda għoli.
BOLOGNA – Minbarra Juventus u Napoli, Spal huma l-unika tim b’punti massimi wara li fi Stadio Renato Dall’Ara għelbu lil Parma 1-0. Il-gowl rebbieħ wasal fid-49 minuta meta minn kross mil-lemin kien pront MIRKO ANTENUCCI li b’xutt mill-ewwel għeleb lil Luigi Sepe. Dan il-gowl kien it-tieni wieħed għal Spal f’dan il-kampjonat u t-tieni wieħed li kien ġmiel ta’ gowl wara l-gowl ta’ Kurtic il-ġimgħa l-oħra.
UDINE – Udinese baqgħu mhux megħluba wara żewġ logħbiet meta din id-darba għelbu lil Sampdoria 1-0. Il-gowl li spiċċa biex iddeċieda l-logħba wasal wara disa’ minuti meta RODRIGO DE PAUL skorja t-tieni gowl konsekuttiv b’xutt minn pożizzjoni ċentrali għar-rokna tax-xibka. Għal Sampdoria dan kien l-ewwel impenn fil-kampjonat wara li ġimgħa ilu tħassar il-konfront tagħhom wara l-kroll fil-pont ta’ Morandi.
//= $special ?>