Lokali

LABOURLEAKS: Lil Alfred Sant ma jriduhx jikkontesta

Iridu jofrulu l-post ta’ Karmenu Vella bħala Kummissarju Malti fl-Unjoni Ewropea bl-iskop li tiġi aġevolata Miriam Dalli

L-MEP Alfred Sant jinsab indeċiż jekk jikkontestax l-elezzjoni tas-sena d-dieħla għall-Parlament Ewropew. Dan wara li sorsi fil-Partit Laburista qalu lill-gazzetta il-mument li ta’ Kastilja qed jipprovaw jipperswaduh biex ma jikkontestax ħalli jaġevolaw lill-Membru EwroParlamentari Miriam Dalli.

Skont l-istess sorsi jirriżulta li l-pjan ta’ Kastilja hu li Miriam Dalli tkun ġabet massa kbira ta’ voti bil-għan li tgħattan lil Chris Fearn darba għal dejjem u ġġiegħlu jaqta’ qalbu milli jikkontesta għal kariga ta’ mexxej Laburista u eventwalment Prim Ministru wara li jitlaq Joseph Muscat.

Jekk l-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Alfred Sant ma jikkontestax, ikun qed jingħaqad mal-Ewro Parlamentari Laburista Marlene Mizzi li diġà stqarret li mhix interessata li tikkontesta l-elezzjoni tas-sena d-dieħla. Marlene mizzi ma qalitx ir-raġuni vera għaliex qatgħet qalbha iżda s-sorsi fil-Partit Laburista jikxfu li Mizzi wkoll ma tiflaħx tara iżjed manuvri biex jaġevolaw lil Miriam Dalli.

Il-Mument żiedet tirrapporta li issa jirriżulta ċar li ta’ Kastilja qed jagħmlu pressjoni kbira fuq Alfred Sant biex jirtira milli jikkontesta u fil-fatt ibaxxi rasu għax-xewqa ta’ Joseph Muscat. Is-sorsi qed jgħidu wkoll li biex forsi Alfred Sant iċedi se jkollhom joffrulu l-post ta’ Kummissarju Ewropew Malti minflok Karmenu Vella.

Il-Mument iżżid li minbarra l-għan li Miriam Dalli toħroġ b’saħħa kbira, ta’ Kastilja jridu li jitla’ Cyrus Engerer, li hu meqjus qrib ħafna ta’ Joseph Muscat. Engerer kellu jirtira mill-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2014 għaliex instab ħati ta’ reat u kellu sentenza sospiża. Dak iż-żmien Joseph Muscat kien tah rigal billi appuntah f’kariga f’Dar Malta fi Brussell, iżda issa li Engerer kellu xi jgħid mat-tmexxija ta’ Dar Malta jrid li jsib postu bħala Membru Parlamenteri Ewropew.