It-tennista promettenti Aryna Sabalenka rebħet l-ewwel titlu WTA wara li għelbet lil Carla Suarez Navarro fl-Open ta’ Connecticut. Sabalenka li hi mill-Belarus, hi waħda mit-tennisti li spikkaw fl-istaġun u se titla’ mal-aqwa 20 fid-dinja wara r-rebħa ta’ 6-1, 6-4 fuq l-Ispanjola.
“Kuntenta ħafna bl-ewwel unur tiegħi. Dan hu mument emozzjonanti. Fl-ewwel sekonda tkun kuntent, imbagħad tifhem. Irrid naħdem aktar għaliex is-sena d-dieħla rrid nerġa’ nagħmilha. Issa li għandi 20 sena rbaħt l-ewwel titlu u għalhekk hu sodisfaċenti.”
It-tennista ta’ 20 sena kienet b’saħħitha wisq għal Suarez Navarro, b’29 winner filwaqt li ddomina is-service tal-avversarja hekk kif rebħet f’siegħa u 13-il minuta. Din kienet l-ewwel rebħa ta’ Sabalenka fit-tielet finali milgħuba, wara telfiet kontra Maria Sharapova f’Tianjin is-sena l-oħra u Caroline Wozniacki f’Eastbourne.
Dan is-suċċess iżid il-kredenzjali ta’ Sabalenka li tista’ toħloq sorpriża fl-Open tal-Istati Uniti. Hi tilgħab l-ewwel rawnd għada kontra l-Amerikan Danielle Collins.
//= $special ?>