Formula 1 Sport

Sebastian Vettel jirbaħ fiċ-ċirkwit ta’ Spa-Francorchamps fil-Belġju

(Ritratt: EPA)

Sebastian Vettel qata’ d-distakk ta’ Lewis Hamilton fil-klassifika tas-sewwieqa għal 17-il punt, b’rebħa komda fil-Grand Prix tal-Belġju, wara li qabeż lir-rivali tiegħu fl-ewwel dawra.

L-aktar mument drammatiku tat-tiġrija seħħ fl-ewwel kantuniera meta Nico Hulkenberg daħal fil-karozza misjuqa minn Fernando Alonso, bil-karozza tal-Ispanjol togħla fuq dik ta’ Charles Leclerc. Ftit sekondi wara, Vettel qabeż lil Hamilton fid-dritta Les Combes u minn hemm baqa’ fil-quċċata.

Ir-rebħa ta’ Vettel kienet l-ewwel waħda għal Ferrari fi Spa mill-2009, u kienet it-52 waħda fil-karriera li biha qabeż lil Alain Prost u jinsab biss Lewis Hamilton u Michael Schumacher fil-klassifika ta’ kull żmien. Din ir-rebħa reġgħet fetħet it-tama tal-kampjonat għal Vettel, bit-tiġrija li jmiss issir f’Monza l-Ħadd li ġej.

Max Verstappen daħal it-tielet wara li beda mis-seba’ post. Is-sewwieqa tal-Forc e India Sergio Perez u Esteban Ocon spiċċaw fil-ħames u s-sitt post rispettivament wara li nqabżu minn Valtteri Bottas li daħal ir-raba’.