Futbol Sport

Silvio Vella jsejjaħ l-iskwadra proviżorja għal kontra l-Belġju

Silvio Vella (Ritratt: Domenic Aquilina)

Il-kowċ nazzjonali ta’ taħt il-21 sena Silvio Vella sejjaħ skwadra proviżorja ta’ 22 plejer għall-partita kontra l-Belġju minn Grupp 6 tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew li se tintlagħab fis-7 ta’ Settembru.

L-attakkanti ta’ Valletta Kyrian Nwoko u ta’ Hibernians Jurgen Degabriele kif ukoll il-winger ta’ Birkirkara Myles Beerman, jinsabu lura ma’ din l-iskwadra wara li kienu parti mit-tim nazzjonali tal-kbar fil-kamp ta’ taħriġ li sar fl-Awstrija f’Ġunju li għadda.

Kif mistenni l-maġġoranza assoluta tal-plejers jilagħbu fil-Kampjonat BOV Premier iżda fl-iskwadra hemm ukoll il-midfielder ta’ Żejtun Corinthians Neil Tabone u l-attakkant Christian Mercieca li jilgħab maċ-champions Għawdxin Victoria Hotspurs. Aħbar pożittiva hi li rritorna fl-iskwadra proviżorja l-midfielder ta’ Birkirkara Matthew Guillaumier li weġġa’ fit-tul l-istaġun li għadda.

It-tim Malti li għadu qed ifittex l-ewwel punt f’din il-fażi ta’ kwalifikazzjoni, għandu partita mill-aktar diffiċli hekk kif il-Belġju tinsab fil-quċċata ta’ Grupp mal-Iżvezja bi 17-il punt. Wara din il-logħba ż-żgħażagħ Maltin se jilagħbu partita ta’ ħbiberija f’pajjiżna kontra l-Georgia fil-11 ta’ Settembru.

Din se sservi bi preparazzjoni għall-aħħar żewġ impenji fil-grupp kontra l-Ungerija fit-12 ta’ Ottubru u kontra Ċipru erbat ijiem wara, biż-żewġ logħbiet se jintlagħbu fis-Centenary Stadium.

Skwadra proviżorja

Gowlkipers: Jake Galea (Sliema Wanderers), Matthew Grech (Floriana), Andreas Galea (Mosta)

Difensuri: Jean Borg (Valletta), Kurt Shaw (Sliema Wanderers), Karl Micallef (Ħamrun Spartans), Nicholas Pulis (Valletta), Kurt Zammit (Birkirkara), Michele Sansone (Sliema Wanderers)

Midfielders: David Xuereb (Hibernians), Myles Beerman (Birkirkara), Matthew Guillaumier (Birkirkara), Nikola Muscat (Gżira United), Yannick Yankam (Qormi), Zachary Scerri (Gżira United), Neil Tabone (Żejtun Corinthians), Dylan Agius (Pietà Hotspurs)

Attakkanti: Jurgen Degabriele (Hibernians), Zachary Brincat (Mosta), Jan Busuttil (Pietà Hotspurs), Kyrian Nwoko (Valletta), Christian Mercieca (Victoria Hotspurs)