Lokali

Sitt itfal jinstabu jgħixu waħedhom f’kundizzjonijiet tal-biża’

Sitt itfal instabu jgħixu fi stat ta’ abbandun assolut wara li qrabathom allegatament ħallewhom għal riħhom wara li l-missier miet u l-omm tkeċċiet ‘il barra mill-qraba tar-raġel. Huwa mifhum li ankè l-omm qiegħda f’sitwazzjoni prekarja.

Dan spjegah il-ġurnal MaltaToday hekk kif tifla ta’ 15-il sena spiċċat isservi ta’ omm għal ħames ħutha l-oħra, bl-izgħar waħda jkollha 5 snin, f’post ċentrali f’ambjent miżeru għall-aħħar.

Filwaqt li l-ħaddiema soċjali għamlu ġimgħat jaħdmu bla heda dwar dan il-każ kumpless, nhar il-Ħamis dawn it-tfal ingħataw lil foster carers sabiex isibu familja stabbli għalihom

Ir-realtà li kienu qed jgħixu dawn it-tfal ħarġet fid-deher wara li mara ppublikat ritratti fuq il-midja soċjali tal-post fejn kienu qed jirressjedu dawn it-tfal – fi stat ta’ faqar, ħmieġ u abbandun. Hija appellat għall-għajnuna minn familji ta’ rieda tajba sabiex jieħdu lit-tfal fi ħdanhom. Madanakollu hija kellha tikkanċella din il-post b’ordni tal-aġenziji.

Meta mistoqsi mill-MaltaToday, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Alfred Grixti saħaq li t-tfal għaddew minn ħafna wara li spiċċaw abbandunati, u l-prijorità li b’xi mod jibqgħu flimkien. Huwa insista li l-ebda istituzzjoni f’Malta ma hi attrezzata sabiex takkomoda sitt itfal f’daqqa u għaldaqstant kellhom jitolbu flus żejda lil Ministeru tal-Finanzi sabiex jimpjega 12-il carer għal magħhom. Grixti saħaq li preżentament it-tfal jinsabu separati ma’ diversi familji u qed isir xi xogħol sabiex jerġgħu jingħaqdu flimkien.

Din l-istorja umana tkompli tixhed is-sitwazzjonijiet prekarji li diversi persuni qed iħabbtu wiċċhom magħhom. Il-faqar f’pajjiżna m’għadux realtà mistur iżda sitwazzjoni li faxxa soċjali taċ-ċittadini Maltin tgħallmet tillapazza f’sitwazzjonijiet miżeri.

L-istatistika turi li kulma jmur qed dejjem jiżdiedu n-nies li minħabba l-prezzijiet għolja ferm tal-kirjiet, qed ikollhom iħallu djarhom u jsibu rifuġju f’garaxxijiet, b’uħud minnhom mingħajr lanqas servizzi essenzjali. Biex ma ninsewx ukoll iż-żieda fil-preżżijiet tal-fjuwil, u tal-affarijiet bażiċi tal-ħajja, fosthom id-dqiq.

F’sitwazzjonijiet fejn jidħlu t-tfal dan il-perjodu tas-Sajf huwa wieħed sensittiv għall-ġenituri li ma jaslux sal-aħħar tax-xahar – minħabba l-preparamenti għas-sena skolastika l-ġdida.