Wara ftit aktar minn tliet snin, trejqa f’Tal-Pietà kellha tinqala’ mill-ġdid għax meta nħolqot, sar xogħol ta’ kafkaf.
Dan hekk kif sa ftit xhur wara, it-trejqa fix-Xatt tal-Imsida bdiet iċċedi, bil-konsegwenza li l-karozzi tal-linja u dawk privati li użawha kienu jgħaddu minn ħafna skossi, b’detriment għall-vetturi.
Mhux magħruf kemm se jiġu jiswew dawn it-tiswijiet u min se jkun responsabbli għalihom. Dan ix-xogħol qed iwassal għal konġestjoni tat-traffiku, partikolarment meta l-karozzi tal-linja jkunu jridu jaqbdu t-trejqa biex iniżżlu jew itellgħu lin-nies abbord.
Sa minn meta kienet għadha qed tiġi ppjanata, din it-trejqa kienet f’kontroversja wara l-oħra. Residenti u negozji kienu kkummentaw fuq il-periklu tat-trejqa minħabba d-djuqija tagħha u l-periklu għal dawk li jkunu mexjin minnha.
Ir-residenti u n-negozjanti kienu kkummentaw fuq kif iż-żona għal dawk li jimxu hi fl-istess livell taż-żona għall-vetturi.
Iżda meta wasslu dawn il-kummenti lill-Gvern, il-Ministeru dak iż-żmien immexxi minn Joe Mizzi kien wieġeb li kien lest iżommhom responsabbli f’każ li jintilfu xi fondi kawża ta’ dewmien ikkaġunat minn tibdil fil-pjanti.
Ix-xogħol fuq it-trejqa baqa’ għaddej kif ried il-Gvern, b’periklu wkoll għal dawk li jagħmlu użu minn fergħa tal-Bank li hemm fit-trejqa.
Fil-fatt, kienu rrappurtati numru ta’ inċidenti, fosthom ta’ anzjan li sofra feriti gravi wara li ntlaqat minn karozza tal-linja ftit wara li ħareġ mill-fergħa tal-Bank.
F’inċidenti oħrajn, diversi karozzi tal-linja żviluppawlhom ħsarat u minħabba d-djuqija tat-trejqa, jinħoloq konġestjoni sħiħa.
//= $special ?>