Lokali Transport

AIR MALTA: L-ittardjar fit-titjiriet dovut għal numru ta’ fatturi

Hekk kif iktar titjiriet tal-Air Malta llum qed jiġu effettwati minn dewmien, iktar passiġġiera qed ikollhom jifaccjaw ħinijiet itwal ta’ stennija u nkonvenjent fi żmien meta suppost qed igawdu l-vaganzi tagħhom.

Noel Farrugia, aġent tal-ivvjaġġar qal lil netnews.com.mt li hemm numru ta’ fatturi li qed jeffettwaw it-titjiriet. Il-ħsarat tekniċi u azzjonijiet industrijali f’pajjiżi Ewropej huma biss tnejn minn dawn il-fatturi.

Fatturi oħra li jidher li qed iħallu effett ħażin fuq l-iskeda tal-Air Malta huma ż-żieda fin-numru tar-rotot minkejja li n-numru ta’ ajruplani baqa’ kważi l-istess, u l-fatt li l-ekwipaġġ qed jitpoġġa f’sitwazzjoni ta’ pressjoni kif qed ikollu jipprova jlaħħaq ma’ iktar xogħol milli suppost.

Farrugia qalilna li l-passiġġiera effettwati għandhom jaraw x’inhuma d-drittijiet tagħhom għall-kumpens skont il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea.

Intant, it-titjira lejn l-ajruport ta’ Charles De Gaulle KM478 li kellha titlaq fis-6.25 dalgħodu spiċċat telqet minn Malta fit-8.40am.

It-titjira lejn Zurich KM490 li kienet mistennija titlaq fis-2.25pm issa qegħda skedata li titlaq fit-3.25pm u dik lejn Pariġi Orly tidher li se titlaq fit-3.55 minflok fit-3.10.

Titjiriet li huma skedati għall-llum lejn Brussell, Casablanca, Malaga u Palermo ukoll jidhru li se jkunu effettwati minn dewmien.

Titjiriet minn Heathrow u Tel Aviv se jidħlu iktar tard milli mistenni.

Passiġġiera milquta minn dewmien jew titjiriet ikkanċellati huma intitolati għall-kumpens skond il-liġi EU261/2004.