Fernando Alonso qal li l-protezzjoni fuq is-sewwieqa magħrufa aħjar bħala l-halo setgħet salvat lil Charles Leclerc fil-ħabta kbira li kellhom fil-Belġju. Il-karozza McLaren ta’ Alonso spiċċat fuq il-karozza Sauber ta’ Leclerc wara li Nico Hulkenberg daħal f’Alonso fl-ewwel kantuniera fi Spa.
Ripetizzjonijiet fuq it-televiżjoni urew li l-karozza ta’ Alonso kellha impatt mal-halo ta’ Leclerc u spiċċat qabżet fuq in-naħa l-oħra. “Rajt ir-ripetizzjoni u kemm kienet tajba l-protezzjoni tal-halo. Ma kellnix bżonn prova iżda hi ħaġa tajba,” qal Alonso.
Il-halo kienet introduzzjoni kontroversjali fil-Formula 1 dan l-istaġun, b’minoranza ta’ sewwieqa ħassew li ma kienx hemm bżonnha filwaqt li l-partitarji oġġezzjonaw minħabba d-dehra tagħha. Alonso li kien parti mill-maġġoranza tas-sewwieqa favur il-halo żied: “In-naħa pożittiva hi li t-tlieta li aħna tajbin, speċjalment Charles. Jien tirt fuq il-karozza tiegħu u l-halo kienet ħaġa tajba li jkollna.
Leclerc qal li ma kienx jaf x’jiġri kieku kien mingħajrha u wara kiteb fuq twitter fejn ammetta li qatt ma kien partitarju tal-halo iżda sostna li kien kuntent ħafna li kellu lilha fuq rasu.
B’konsegwenza ta’ dan l-inċident, Hulkenberg ingħata penalità ta’ 10 postijiet għall-Grand Prix tal-Italja fi tmiem il-ġimgħa, kif ukoll tnaqqsulu tliet punti mil-liċenzja, biex tella’ t-total tiegħu għal erba’ punti mit-12-il punt permessibbli qabel sospensjoni ta’ tiġrija.
Dan l-inċident kien simili għal dak li seħħ fl-2012 meta Romain Grosjean dak iż-żmien ma’ Lotus, kien ingħata sospensjoni ta’ tiġrija wara li kkawża inċident simili li fih Fernando Alonso kien ukoll involut mingħajr ħtija.
//= $special ?>