Lokali

Filmat: Jinstabilhom fejn joqogħdu t-tfal li ttieħdu mir-residenza tal-omm

It-tfal li l-Ħadd, fuq ġurnal lokali, ingħad li kienu abbandunati fir-residenza tagħhom f’post ċentrali f’Malta nstabilhom post fejn joqogħdu ma’ membri oħra tal-familja tagħhom stess.

Dan wara li l-Ħamis li għadda ttieħdu mingħand l-omm bl-approvazzjoni tagħha stess, hekk kif l-omm stess tammetti li minħabba li taħdem, ma setgħetx tieħu ħsieb lit-tfal kif suppost wara l-mewt tal-missier.

Tgħid ma’ Net News li qed jinżammu ma’ qraba tagħhom, fejn huma kuntenti u hi sserraħ rasha li se jkunu kuntenti; għalkemm tgħid li minħabba l-każ li għaddej ilha għall-aħħar tlett ijiem ma tarahom.

Hi tikkontesta diversi dettalji kif ħarġu fil-midja, kemm dwar l-ammont ta’ tfal li kienu qed jgħixu fir-residenza kif ukoll dwar l-etajiet tat-tfal.

Il-post saret minn mara li fuq Facebook kienet tappella lil familji oħra biex jgħinu jeħilsu lil dawn it-tfal minn din ir-residenza, għalkemm din kellha titneħħa iktar tard fuq ordni tal-awtoritajiet.

L-omm tikkontesta wkoll diversi affarijiet kif rappurtati, u tgħid fost oħrajn li t-tfal spiss kienu jkunu għand qrabha tagħha meta hi kienet tkun ix-xogħol.

Il-biża’ tal-omm hi li l-fatt li din l-istorja spiċċat fuq il-midja, tlett ijiem wara li t-tfal kienu ttieħdu mis-social workers, jista’ jwassalha biex titlef xogħolha, u saħansitra temmen li se jkollha tibdel il-lokalità fejn tgħix minħabba l-ġudizzjoni tal-poplu.

Imbikkma, titlob biex il-ġudizzju fil-konfront tagħha fuq il-midja soċjali u l-ġurnali jieqaf hekk kif hi qed tagħmel minn kollox biex tara li uliedha jkollhom futur.

Il-każ issa jinsab taħt investigazzjoni mill-Pulizija u awtoritajiet oħra, fl-istess waqt li l-mara qed tfittex it-tieni xogħol għal matul il-ġurnata biex tkun tista’ tgħin lilha nnifisha.