Futbol Sport

Ftehim ta’ kollaborazzjoni għal tliet snin bejn l-MFA u Frosinone

Il-Malta Football Association u Frosinone Calcio ffirmaw ftehim ta’ tliet snin li se ssaħħaħ il-kollaborazzjoni bejniethom fl-iżvilupp taż-żgħażagħ.

Permezz ta’ dan il-ftehim, kull sena żewġ żgħażagħ Malti bil-kunsens tal-ġenituri, il-klabb u l-approvazzjoni tal-FIFA, jistgħu jingħaqdu ma’ skwadra taż-żgħażagħ ta’ Frosinone filwaqt li żewġ kowċis miċ-Ċentru Tekniku tal-MFA se jieħdu l-esperjenza fis-settur taż-żgħażagħ tal-klabb Taljan.

F’kumment fuq www.mfa.com.mt, il-President tal-MFA Norman Darmanin esprima l-kuntentizza tiegħu li għalqu dan il-ftehim ma’ Frosinone. Hu żied li din il-kollaborazzjoni tikkumplimenta l-politika tal-MFA li toħloq opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ Maltin li bi qbil mal-klabbs lokali jitħarrġu u jilagħbu f’ambjent professjonali, xi ħaġa li se tgħin fl-iżvilupp tal-futbol.

“L-edukazzjoni tal-kowċis hi wkoll prijorità tal-MFA u dan il-ftehim se jagħti wkoll l-opportunità lill-kowċis żgħażagħ biex itejbu t-tagħrif u l-esperjenza tagħhom billi jagħmlu żmien fi klabb professjonali,” kompla l-President tal-MFA.

Darmanin Demajo nirringrazzja lil Frosinone Calcio tal-assistenza u l-koperazzjoni, speċjalment lil Ernesto Salvini li hu responsabbli mis-settur tekniku tal-klabb, kif ukoll lil Mauro Di Lello li hu l-konsulent speċjali tal-President.

Fuq is-sit uffiċjali ta’ Frosinone, Ernesto Salvini wera s-sodisfazzjon għal dan il-ftehim u żied li hu fiduċjuż li din il-kollaborazzjoni se tħalli riżultati importanti fil-futur.

Sa issa diġà hemm żewġ plejers li jinsabu ma’ Frosinone. Dawn huma Jake Engerer li l-istaġun li għadda kien ma’ Cesena. Hu bħalissa jinsab mat-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena u diġà beda t-taħriġ mal-iskwadra ta’ Frosinone. Il-plejer l-ieħor hu Nikolai Farrugia Cross ta’ Birkirkara.

Iż-żewġ plejers diġà żaru l-kumpless ta’ Frosinone fl-aħħar ġimgħat bħala parti mill-proċess ta’ familjarizzazzjoni. Il-ġentiuri taż-żewġ plejers kif ukoll Birkirkara fil-każ ta’ Farrugia Cross, kienu ta’ għajnuna fid-diskussjonijiet ma’ Frosinone Calcio.