Lokali Saħħa

ĦOSBA: Tilqim għall-ħaddiema tas-saħħa

Fuq inizjattiva tal-Infection Control Department fi ħdan l-isptar, ħaddiema tas-saħħa qed jiġu mħeġġa jitlaqqmu kontra l-ħosba. Dan ġie mħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-istpar Mater Dei fid-dawl tal-firxa dejjem tikber tal-virus fil-pajjiżi tal-Ewropa.

Netnews.com.mt tkellem ma’ Noel Abela, Infection Control Nurse, li spjegalna kif il-virus jinfirex fl-ajru u kif persuna li tkun fl-istess kamra ma’ persuna nfettata jkollha ċans kbir li tieħu l-virus.

Hu qalilna li s’issa din is-sena f’Malta ġew irrapurtati 5 każi, b’erbgħa minnhom ikunu każi mportati. Każ ieħor kien dak ta’ ħaddiem tas-saħħa li ħa l-virus minn persuna li daħlet l-isptar.
Fis-snin riċenti ma kienu rrappurtati l-ebda każi ta’ ħosba f’pajjiżna.

Mistoqsi xi prekawzjonijiet ittieħdu mill-isptar sabiex tiġi kkontrollata l-firxa tal-virus, Abela qalilna li persuni li jippreżentaw ruħhom b’sintomi li jistgħu jindikaw possibilita’ tal-virus qed jiġu mitluba jidħlu f’sezzjoni apposta li ġiet imħejjija. Il-ħaddiema tas-saħħa ta’ din is-sezzjoni ġew iċċekkjati għall-immunita’ tal-virus u ingħataw it-tilqim fejn kien hemm bżonn.

Il-virus jinfirex fl-ajru permezz tan-nifs u persuna li jkollha l-virus tista tifrex il-virus qabel ma jitfaċċa ir-raxx fuq il-ġilda li jibqa jista jittieħed sa erbat ijiem wara li joħroġ ir-raxx.

Fl-2016 fl-Ewropa kien hemm reġistrat madwar 5000 każ filwaqt li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena diġa ġew irrappurtati ‘l fuq min 42,000.