Internazzjonali

Il-Ġermanja: Il-pulizija jwieġbu għall-inkwiet fit-toroq ta’ Chemnitz

L-awtoritajiet fil-belt Ġermaniża ta’ Chemnitz kellhom idaħħlu aktar skwadri tal-pulizija biex jikkontrollaw mijiet ta’ dimostranti estremisti tal-lemin li kienu qed jiġġieldu mal-qawwiet tal-liġi fl-inħawi.

Dan wara li grupp ta’ partitarji tal-futbol radikali bl-isem Kaotic Chemnitz sejjaħ lil mijiet ta’ sostenituri biex joħorġu fit-toroq u jipprotestaw, wara li raġel Ġermaniż ta’ 35 kien spiċċa maqtul waqt ġlieda.

Il-Pulizija qalu li numru ta’ barranin kienu involuti fil-ġlieda, bil-grupp Kaotic Chemnitz iwassal il-messaġġ ‘li l-partitarji riedu juru min jikkmanda tassew f’din il-belt’.

Minħabba l-inkwiet kellu jitħassar festival li kien qed isir f’Chemnitz, bil-Gvern Ġermaniż jikkundanna bla riservi l-azzjonijiet vjolenti mill-elementi tal-lemin estrem.