Internazzjonali

In-NU titlob proċeduri għall-iżbark ‘xieraq’ tal-immigranti

L-aġenzija UNHCR għar-refuġjati qed titlob mill-ġdid biex l-Ewropa twaqqaf il-proċeduri għall-iżbark xieraq tal-immigranti li jkunu salvati mill-baħar waqt it-tentattivi biex jaslu sax-xtut tal-kontinent.

Filwaqt li l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti esprimiet sodisfazzjon talli ‘spiċċat l-aħħar kriżi dwar l-immigranti fil-Mediterran’, il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati, Filippo Grandi, qal li l-kwistjoni tal-190 immigrant li dan ix-xahar kienu salvati mill-bastiment Taljan ‘Diciotti’ ‘jeħtieġ li tkun il-każ li jiftħilna għajnejna tassew għas-sitwazzjoni’.

Wara li d-‘Diciotti’ daħal fil-port ta’ Sqallija, l-awtoritajiet Taljani irrifjutaw li jħallu lil xi ħadd mill-passiġġieri li ma kienx minorenni inkella fi bżonn ta’ għajnuna medika jinżel minn fuq il-vapur. Il-140 immigrant li kien fadal tħallew jitilqu nhar il-Ħadd wara li l-Isqfijiet Kattoliċi Taljani assumew ir-responsabbiltà għal 100 fosthom, bl-Italja u l-Albanija joffru biex jieħdu 20 kull wieħed.

Min-naħa tiegħu, Grandi insista biex l-Ewropa tadotta ‘sistema li tibbaża fuq il-koperazzjoni tal-pajjiżi u li wieħed jista’ jorbot fuqha’, għas-sitwazzjonijiet fejn in-nies ikunu salvati mill-baħar.

Sadattant, il-Ġermanja qed tidher fiduċjuża li tilħaq ftehim mal-Gvern Taljan biex dan jieħu lura l-immigranti li jfeġġu mal-fruntiera bejn il-Ġermanja u l-Awstrija wara li dawn ikunu applikaw għall-kenn politiku fl-Italja.