Edukazzjoni Lokali

“Irrid li l-Caritas tibqa’ tkun il-vuċi tgħajjat għal min m’għandux vuċi”

Intervista minn Joe Cassar mad-Direttur il-ġdid tal-Caritas
Twieled fil-belt kapitali fl-1976. Gradwat fil-psikoloġija. Ħadem dejjem fil-qasam soċjali, inkluż b’ħafna snin ta’ volontarjat. Iħossu ispirat mit-tagħlim soċjali tal-Knisja li “dak li tagħmlu mal-iċken fost ħuti, tkunu qed tagħmluh miegħi,” u mill-imħabba tal-Papa Franġisku għall-batut. Illum miżżewweġ u għandu ħamest itfal ta’ bejn tliet snin u 14-il sena.
Dan hu, fi ftit kliem, Anthony Gatt, id-Direttur il-ġdid ta’ Caritas Malta, li għadu kemm daħal fil-kariga ftit jiem ilu. Iltqajt miegħu fl-uffiċċju ċentrali tal-Caritas fil-binja tal-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana. Tkellimna dwaru u dwar il-ħidma tal-Caritas illum u ’l quddiem. Minħabba l-ammont kbir ta’ servizzi li toffri lis-soċjetà Maltija Caritas Malta, u l-attwalità tas-suġġetti trattati, it-tieni parti ta’ din l-intervista se tidher fl-edizzjoni tal-Ħadd li ġej ta’ din il-gazzetta.

L-impressjoni ta’ kulħadd donnha hi li l-ħatra tiegħek ġiet – kif ngħidu bil-Malti – bħal sajjetta fil-bnazzi. Kif ilqajtha int din id-deċiżjoni? Kienet sorpriża għalik ukoll jew din hi kariga li b’xi mod kont qed tistennieha?

Assolutament ma kinetx mistennija. Jiena kont ili tliet snin f’kariga oħra importanti fl-organizzazzjoni u żgur kienet sorpriża li f’daqqa waħda niġi msejjaħ għal din l-ogħla kariga fl-organizzazzjoni. L-element ta’ sorpriża hemm kien, iva. Naturalment meta ħarġet l-aħbar li d-Direttur Leonid McKay kien se jitlaq għal xogħol ieħor, allura f’moħħ kulħadd tibda ddur xi ftit jew wisq il-mistoqsija dwar min se jilħaq minfloku. Meta mbagħad ftit jiem wara sejjaħli l-Arċisqof u qalli li xtaq ikellimni, allura mbagħad tibda tobsor x’kien se jiġri…

Kemm qed tħossha kbira din ir-responsabbiltà meta tikkonsidra li f’dan is-siġġu għal snin twal kien hemm persuna monumentali f’din l-organizzazzjoni – qed nirreferi għal Monsinjur Victor Grech – u, aktar reċenti, Leonid McKay, li fi ftit snin li dam jokkupa l-kariga rnexxielu jespandi mhux biss is-servizzi offruti mill-Caritas imma wkoll l-immaġni pożittiva tal-organizzazzjoni f’għajnejn il-pubbliku?

Bil-Malti ngħidu tilbes kappell kbir… u din ħsibt fiha jien. Dun Victor għamel 37 sena jaħdem hawn u waqqaf ħafna mis-servizzi tal-Caritas. Il-kontribut li ta lis-soċjetà Maltija kollha hu indeskrivibbli. Imbagħad ġie Leonid u f’temp ta’ erba’ snin ħalla impatt kbir bl-impenn qawwi tiegħu fl-iżvilupp u t-tisħiħ tas-servizzi u anki fl-immaġni ta’ organizzazzjoni li tkun vuċi għall-persuni li jinsabu fil-periferija tas-soċjetà tagħna.

F’kelma waħda, iva, inħoss li r-responsabbiltà li dħalt għaliha jien hi waħda kbira, enormi anzi. Però, iktar milli għax se nidħol f’kappell li huwa kbir meta nikkonsidra dak li għamlu ta’ qabli, hemm responsabbiltà kbira fis-sens li rrid nassigura l-kontinwazzjoni u t-tisħiħ tas-servizzi, kemm fil-qasam tad-droga u kemm fl-oqsma soċjali l-oħra, biex il-Caritas tibqa’ tkun dik il-vuċi tgħajjat għal min m’għandux, dik l-id tal-għajnuna lil kull min għandu bżonnha.

Biex inkun sinċier irrid ngħid li iva, kien hemm mumenti ta’ eżitazzjoni meta ġġib il-konsiderazzjonijiet kollha quddiemek, imma mbagħad ħassejt li ladarba ġejt mitlub, jiġifieri ngħatajt il-fiduċja, u meta rajt ukoll is-sapport tal-komunità tal-Caritas, ħassejt li għandi nidħol għal dan l-inkarigu bi spirtu ta’ servizz u ta’ vokazzjoni.

Kieku kelli nistaqsik fejn trid twassal lill-Caritas, xi tgħidli? Hemm pjani immedjati jew xi viżjoni partikolari għall-futur? Jew għadu kmieni wisq għal dawn it-tip ta’ ħsibijiet?

Il-Caritas hija organizzazzjoni tal-Knisja li għandha missjoni partikolari ħafna, dik li tagħmel l-għażla preferenzjali għall-fqir u l-bniedem fil-bżonn. Jiena fl-aħħar mill-aħħar irrid nara li nżomm ma’ dik il-missjoni. Issa kif wieħed jasal għal dan il-goal jista’ jkun hemm toroq differenti. Żgur li l-impenn qawwi li diġà hemm fil-qasam tar-riabilitazzjoni tad-droga u anki l-għajnuniet soċjali l-oħra rrid nara li jkomplu jissaħħu. L-iktar ħaġa importanti li nara għalissa hi l-kontinwazzjoni u t-tisħiħ tal-ħafna tajjeb li diġà hemm fis-servizzi tagħna. Dak se jkun l-ikbar impenn tiegħi.

Bħala eżempju ta’ xi ħaġa li nara li għandha tissaħħaħ hu l-aspett tal-volontarjat. Caritas fl-għeruq tagħha bniet fuq il-volontarjat. Għad hawn aspett qawwi ta’ volontarjat u dik nixtieq li tibqa’ parti integrali mill-identità tagħna.

Imma għadu moda l-volontarjat fid-dinja tal-lum?

Hawn sfidi fil-volontarjat. Jiena għamilt snin twal fiż-żgħożija tiegħi fil-volontarjat. Illum inbidlu ftit l-affarijiet imma għad hawn postu l-volontarjat, pereżempju f’bosta anzjani li għadhom b’saħħithom u jixtiequ jibqgħu attivi.

Qed nisimgħu wkoll b’ħafna żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu esperjenza fil-missjoni, però naħseb li hemm bidla fil-kultura, speċjalment fiż-żgħażagħ. Il-pressjonijiet li għandhom illum, finanzjarji, l-aspetti materjalistiċi, hemm il-pressure li jekk se tkompli tistudja tagħmel part-time biex tixtri karozza, biex issiefer… Aspetti li kollha jaljenaw lill-bniedem mill-volontarjat. Hu nuqqas fil-kultura tagħna li kultant naljenaw ruħna mill-bniedem fil-bżonn.

Ħa nitkellmu ftit fuq suġġett li naf li inti tibbrilla fl-għarfien tiegħu: id-droga. Għandi impressjoni li minkejja din l-awareness kollha, minkejja l-programmi kollha li jsiru fuq it-tv u r-radjijiet u l-artikli edukattivi fil-ġurnali, u minkejja l-ħidma tal-Caritas u organizzazzjonijiet oħra simili, il-problema tad-droga qed tikber flok tonqos. Huwa minnu dan jew perċezzjoni?

Id-droga kienet minn dejjem mal-bniedem u dejjem se tibqa’ miegħu. Bħalissa hemm trend taż-żminijiet li qegħdin ngħixu fihom illum, qed nirreferi għaż-żieda fl-użu tal-cannabis u ż-żieda fl-użu tal-kokaina. Jekk tqabbel ma’ 14-il sena ilu, in-nies li kienu jfittxu l-għajnuna mill-Caritas kienu fil-biċċa l-kbira dawk bi problemi ta’ eroina. Illum dawk bi problema ta’ eroina li jfittxu l-għajnuna huma 50 fil-mija, imbagħad kważi 30 fil-mija jfittxu l-għajnuna minħabba l-kokaina u kważi 20 fil-mija minħabba l-cannabis. Jiġifieri żgur hemm trend ta’ xejriet differenti fit-tiftix tal-użu tad-droga llum.

Għalxiex tattribwih it-tibdil fit-trend, li llum iż-żgħażagħ qed ifittxu aktar droga minn oħra?

Hemm ħafna fatturi li jġiegħlu t-trends ivarjaw. Ovvjament l-availability tad-droga fis-suq u mbagħad jaffettwaw ħafna wkoll ir-realtajiet soċjali. Illum qed ngħixu f’dinja pjuttost materjalista u ħedonista, jiġifieri t-tfittxija tal-pjaċir qabel kull konsiderazzjoni oħra. Il-kokaina hi droga li tgħaġġlek, li għall-ewwel taf ittik pjaċir, li tista’ tesprimi ċertu vojt li hawn illum fil-ħajja tal-bniedem. Nies li jiġru wara l-pjaċir sfrenat forsi għax għandhom fihom ċertu vojt, m’għandhomx goals li jfittxu li jilħqu u allura jippruvaw jimlew bid-droga l-vojt ta’ ġo fihom minn affarijiet oħra li jistgħu jagħtuh sodisfazzjon.

Hemm concern kbira fuq dawn it-trends. Concern kbira oħra hi l-kwistjoni tal-cannabis… għall-fatt li aktar ma jgħaddi ż-żmien, mhux biss f’pajjiżna, il-cannabis qed titqies inqas bħala droga u iktar xi ħaġa, ngħidu aħna, bħall-alkoħol jew is-sigaretti. Ma rridx nagħti l-impressjoni li kulħadd qed ipejjep il-ħaxixa f’Malta, għax fil-fatt l-average għadha ftit inqas mill-average Ewropea għall-adolexxenti. Imma żgur li t-trend favuriha qiegħda tiżdied.

Għaliex tinkwetakom daqshekk il-cannabis?

Meta l-perċezzjoni tibda tikber li l-cannabis mhijiex xi droga daqshekk perikoluża, din tista’ tibdel l-imġiba tal-bniedem…

Imma hija minnha nfisha perikoluża jew għax tista’ twasslek għal drogi oħrajn iktar qawwija?

Iż-żewġ fatturi jinkwetawni. Jekk il-perċezzjoni tal-adolexxenti tibqa’ sejra ’l fejn sejra, jiġifieri li l-cannabis mhijiex perikoluża, ovvjament l-idea se twassal biex jibdew ifittxuha iktar. Il-ħsara fuq il-moħħ tal-adolexxenti taf tkun kbira. Il-moħħ li jkun għadu fil-proċess tal-iżvilupp, jekk titfagħlu kimika li ħa ttellef dak l-iżvilupp, se twassal għal effetti li huma long-term. Jiġifieri, speċjalment fl-adolexxenti, l-inkwiet huwa qawwi, anki jekk mhux bilfors li kull min ipejjep il-cannabis se jiġi dipendenti fuq drogi oħra, biex inkun ċar fuq din ukoll. Imma jista’ jiġi dipendenti fuqha.

Kulħadd jaf kemm joħroġ ġid mill-programm ta’ riabilitazzjoni f’San Blas u anki mill-after care. Imma l-prevenzjoni mhux aħjar mill-kura? X’inhi l-ħidma tal-Caritas f’dan ir-rigward?

Tkun ħolma sabiħa kieku ma jkollniex bżonnhom il-programmi ta’ riabilitazzjoni. Għax ikun ifisser li n-nies mhumiex qed jidħlu f’dawn it-tip ta’ problemi. Il-Caritas għandha wkoll dipartiment tal-prevenzjoni, imma naħseb inkun fair li ngħid li mhuwiex wiesa’ daqskemm hu s-servizz tar-riabilitazzjoni.

Sakemm il-bniedem jinduna li għandu bżonn il-kura – u dan il-fatt se jibqa’ magħna żgur – jixraqlu wkoll li jsib post fejn imur u naħseb li f’dan ir-rigward Caritas ħadmet u għadha taħdem ħafna biex kull min isib ruħu fil-qiegħ, iddisprat, isib min jiftaħlu, jilqgħu u jagħtih kull għajnuna possibbli. Min-naħa l-oħra jekk inti tista’, qabel dan il-pass, tevita dan l-uġigħ, allura għandek titfa’ l-enerġija kollha tiegħek hemmhekk.

Tidħol fl-iskejjel il-Caritas?

Il-prevenzjoni mhijiex biss li tmur fl-iskejjel u tagħti talk. Jew li tkellem lill-ġenituri. Dawn huma affarijiet tajbin, imma tajbin l-aktar għal dawk li mhumiex f’riskju. Imma għal dawk disposti għal riskju kbir, dik it-tip ta’ prevenzjoni ma taħdimx.

Jien naħseb li bħala soċjetà għandna nagħmlu eżami tal-kuxjenza u naraw fejn qed infallu, għalfejn iż-żgħażagħ qegħdin ifittxu d-droga bħala soluzzjoni għall-problemi tagħhom. Ovvjament hemm riskji li bniedem jista’ jkun li twieled bihom, imma mbagħad hemm ukoll l-ambjent soċjali li fih qed jgħix. Ir-riskju jkun ferm ikbar għal tifel jew tifla li ma jiżviluppawx f’ambjent ta’ familja li huwa san.

Il-familja hi ċellola bażika tas-soċjetà. Jekk timmina l-familja jibdew ifaqqgħu l-problemi fis-soċjetà. Jiġifieri, biex inkun ftit iktar konkret, il-bniedem, fiż-żmien bikri tal-ħajja tiegħu, għandu bżonn ambjent fejn iħossu protett, milqugħ, maħbub, fejn isib ġenituri lesti li jisimgħuh, li jista’ jdur fuqhom u jisimgħuh. Dawn huma ingredjenti bażiċi li wieħed għandu bżonn fl-ewwel stadji tal-ħajja. Jekk dawn ma jkunux hemm, is-sitwazzjoni se tpoġġi l-persuna f’riskju. Riskju ta’ droga, ta’ tmiem qabel il-waqt mill-iskola, ta’ kriminalità… Dan ifisser li jekk irridu nitkellmu fuq prevenzjoni rridu naraw kif se nissapportjaw lill-familji u kif se nissapportjaw it-tfal biex jikbru f’ambjenti sani fl-iżvilupp bikri tagħhom.

Smajna li l-Caritas qed taħseb biex tibni dar li tagħti kenn lil tfal jew adolexxenti bil-problema tad-droga. Tassew jinħass il-bżonn ta’ dar ta’ riabilitazzjoni għat-tfal? Waslet sa hawn il-problema tad-droga f’Malta?

Aktar qabel staqsejtni dwar il-viżjoni tiegħi għall-Caritas u jien għedtlek it-tisħiħ u l-konsolidament ta’ dak li għandna u mbagħad niżviluppaw minn hemmhekk. Imma żgur li fejn tidħol riabilitazzjoni mid-droga, proġett li ilha ftit taħdem fuqu l-Caritas hu l-ispeċjalizzazzjoni fix-xogħol mal-adolexxenti, forma ta’ ċentru residenzjali għal minuri li għandhom problema ta’ droga. Dan il-bżonn narawh għaliex il-Caritas għamlet l-analiżi tagħha, anki meta ġiet mitluba mill-Gvern biex tidħol għal dan il-proġett.

Ma rridx ngħid li hemm massa ta’ adolexxenti li għandhom bżonn il-programm residenzjali ta’ riabilitazzjoni, imma rrid ngħid li iva, għandna realtajiet ta’ adolexxenti li minħabba l-vulnerabbiltajiet kollha li semmejt qabel, waqfu mill-iskola, daħlu fil-fond fil-problema tad-droga u forsi problemi wkoll ta’ mġiba u ta’ kriminalità. Dawn huma każi severi ħafna li mhux biżżejjed għalihom kura ta’ servizz fil-komunità bħala outpatient, imma għandhom bżonn li jinqalgħu mill-ambjent tagħhom u jingħataw għajnuna professjonali anki f’ċentru residenzjali.

Qed nitkellem hawnhekk fuq adolexxenti li l-ġenituri tagħhom għal xi raġuni jew oħra tilfu kull kontroll tas-sitwazzjoni.

Qed nesperjenzaw każi, pereżempju, anki ta’ vjolenza domestika ta’ tfal fuq il-ġenituri tagħhom – problema oħra li qed teskala. Qed nisimgħu b’każi ta’ tfal li jsiru vjolenti fuq il-ġenituri tagħhom minħabba d-droga sintetika. La l-ħabs u lanqas Monte Carmeli ma huma postijiet adegwati għal persuni bħal dawn.

Mela għandek adolexxenti fejn min qed jieħu ħsiebhom tilfu kull kontroll. Imbagħad hemm adolexxenti oħrajn li għandhom bżonn jinqalgħu mill-ambjent li jinsabu fih mingħajr mhu tort tagħhom għax l-ambjent li qed jgħixu fih mhumiex safe, jiġifieri qed jesperjenzaw sitwazzjonijiet ta’ abbuż mid-droga, mill-prostituzzjoni, mill-kriminalità, eċċ, u allura għandhom bżonn xi ħadd li jaqlagħhom minn dan l-ambjent u jagħtihom l-assistenza u l-għajnuna meħtieġa fi programm residenzjali.
Dawn huma żgur żewġ kategoriji fejn is-set-up preżenti tas-servizzi li noffru bħalissa ma jagħtuhom l-ebda appoġġ għax, kif għedt qabel, jispiċċaw f’postijiet li għalihom ma jagħmlux sens, bħall-Ħabs jew l-Isptar Monte Carmeli.

It-tieni parti tal-intervista, fuq aspetti differenti tal-ħidma ta’ Caritas Malta, tidher fil-ħarġa tal-Ħadd ta’ il-mument.