Rainbow Families Network flimkien mal-President’s Foundation for the Wellbeing of Society se jniedu proġett biex ikun offrut spazju protett għall-ġenituri li jidentifikaw ruħhom bħala LGBTIQ kif ukoll it-tfal tagħhom.
Inħass il-bżonn għal dan il-proġett wara li saru numru ta’ laqgħat ma’ familji fejn esprimew il-ħtieġa li jkollhom spazju protett fejn jistgħu jaqsmu d-diffikultajiet li jgħaddu minnhon ta’ kuljum. Dawn il-laqgħat se jsiru b’mod regolari fejn se jkollhom l-opportunita’ li jipparteċipaw f’diskussjonijiet mal-professjonisti.
Ruth Farrugia, Direttriċi tal-President’s Foundation for the Wellbeing of Society saħqet li se jaħdmu aktar bis-sħiħ ma’ dawn il-familji fejn se jaraw x’inhuma l-biżgħat u l-problemi li jgħaddu minnhom ta’ kuljum.
Min-naħa tagħha, Colette Farrugia Bennett, li hi koordinatriċi tal-MGRM, qalet li familji li għandhom tfal gay jgħaddu minn ċerti sfidi differenti minn ta’ familji oħra, għalhekk għandhom bżonn jiftħu qalbhom ma’ nies oħra li jinsabu għaddejjin mill-istess esperjenzi.
Tfal li jkollhom ġenituri LGBTIQ, jistgħu jiltaqgħu ma’ ċerti sfidi meta dawn jibdew imorru l-iskola. Neil Falzon, flimkien mar-raġel tiegħu addottaw żewġt itfal tul din is-sena u jistqarr li kienet sena ta’ emozzjonijiet ta’ kull tip. Ried jispjega lit-tfal tiegħu dwar l-identita’ tal-famija taħghom u l-bullying li jistgħu jgħaddu minnhu. Jistqarr li għaddewlu ċertu mistoqsijiet minn moħħu bħal jekk dawn it-tfal se jkunux imċaħħda mill-figura tal-omm.
Alex Caruana, li huwa persuna trans gender, jgħid kemm kienet diffiċli għalih li jitkellem dwar is-sesswalita tiegħu, għalhekk jista’ jifhem kemm iħossuha diffiċli dawn it-tfal u żgħażagh. Għandhom ikunu jafu li mhumiex waħedhom u li ħadd mhu se jiġġudikahom. Jifhem li l-ġenituri jkunu mbeżżgħin u forsi ma jaċċettawhomx, għalhekk dan l-ispazju protett se jkun ta’ għajnuna għal dawn il-ġenituri.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca tinsab kburija b’din il-kollaborazzjoni għax hemm ħtieġa kbira li ngħinu lil dawn in-nies.
Irid ikun hemm bidla fil-mentalita’, fil-kultura u fl-attitudni biex b’hekk inkissru l-isterjotipi. Ma tridx tħares lejn in-nies skont l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, iżda skont il-ħiliet tagħhom. Finalment dawn it-tfal għandhom jiġu mrobbija fl-istess valuri, rispett u ugwaljanza li jixraq lil kull persuna. Dan se jkun pass ieħor biex bħala pajjiż inkunu fuq quddiem nett fil-bidla kulturali u mentali u b’hekk isir pajjiż inklussiv.
//= $special ?>