Lokali Qorti

Jinħeles mill-arrest ir-raġel akkużat li qatel tliet ċikonji

James Magri inħeles mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil ta’ tliet ċikonji f’Ħad-Dingli.

Fost ix-xiehda, kien hemm dik ta’ Roderick Galea, ħabib tal-akkużat.

Galea qal li dakinhar tal-każ, wara li spiċċa mix-xogħol mar fl-għalqa tiegħu viċin Ħad-Dingli flimkien ma’ sħabu. Wara xi ħin James Magri telaq minn ħdejn sħabu hekk kif raw numru ta’ ċikonji itiru viċin tagħhom. Huma semgħu tlett tiri filwaqt li ftit wara l-akkużat irritorna ħdejhom u qalilhom biex imorru d-dar.

Roderick Galea qal li l-akkużat ta’ 41 sena minn Ħad-Dingli deher ftit konfuż hekk kif qalilhom li spara fuq xi għasafar. La Roderick u lanqas ħabib ieħor tagħhom, Shenizen Borg ma raw fuq liema speċi ta’ għasfur kien spara.

Roderick Galea żied jgħid li wara li telaq mill-għalqa, l-akkużat ċempillu u qallu li kien żbalja.

Fil-Qorti deher ukoll iċ-ċiklist li kien għaddej miz-zona, Joseph Psaila, li sema t-tiri fuq l-għasafar protetti, u ra raġel jiġri b’senter u għasfur f’idejh. Il-filmat ta’ Psaila ngħata lill-Pulizija.

Wara li ra għasfur mejjet, iċ-ċiklist prova jċempel lil ALE iżda ma rnexxilux u b’hekk għamel kuntatt ma’ Birdlife Malta.

L-akkużat James Magri ġie ordnat iħallas depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €7,000, u ntalab biex jiffirma fl-għassa darba f’ġimgħa. Hu ma jistax jkellem xhieda u lanqas ikollu x’jaqsam mal-kaċċa.

Il-każ mistenni jkompli jinstema fis-6 ta’ Settembru fl-10.30 ta’ filgħodu mmexxi mill-Maġistrat Astrid May Grima.