Internazzjonali

Jitħallew jiżbarkaw mid-Diciotti

L-immigranti li għal sitt ijiem kienu mblukkati fuq il-vapur tal-Gwardja tal-Kosta Taljan ‘Diciotti’, matul il-lejl bejn is-Sibt u l-Ħadd tħallew jinżlu minn fuq il-vapur fil-port ta’ Katanja fi Sqallija.

Każ li kien se jwassal għal konfront bejn l-Italja u l-Unjoni Ewropea u sab is-soluzzjoni wara li l-Isqfijiet Taljani aċċettaw li jieħdu ħsiebhom. Dan flimkien mal-Irlanda u l-Albanija. L-Italja kienet qed tirrifjuta li tħallihom jiżbarkaw sakemm jinstab fejn kellhom jinżammu u l-Gvern Taljan ma riedx ikun jaf bihom. Sadattant minħabba dan il-każ, l-awtoritajiet ġudizzjarji fi Sqal-lija fetħu investigazzjoni fil-konfront tal-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini minħabba l-mod kif aġixxa fil-każ.

Huwa qed jiġi investigat fost l-oħrajn għal arrest illegali ta’ nies u abbuż ta’ poter. B’kollox kien hemm mal-155 immigrant, fil-maġġoranza mill-Eritreja, abbord id-Diciotti, li wasal f’Katanja bħal-lum ġimgħa. Salvini kien irrifjuta li jagħti permess li dawn jinżlu l-art sa-kemm l-UE ma aċċettatx li dawn jitqasmu bejn il-pajjiżi membri għaliex qal li ma riedx li dawn ikunu ta’ piż għall-poplu Taljan.

Matul il-ġimgħa li għaddiet 27 tifel u tifla kif ukoll 13-il persuna fi bżonn ta’ kura medika urġenti tħallew jiżbarkaw. Dawk li mbagħad tħallew abbord kienu bdew strajk tal-ġuħ. Il-Gvern il-ġdid Taljan ta bidu għal linja iebsa fil-konfront tal-immigrazzjoni u mhux qed iħalli lill-immigranti li jinġabru fil-Mediterran jidħlu fl-Italja.