Internazzjonali

Kliem iebes tal-Papa għal min jabbuża mit-tfal

Ilbieraħ waslet fi tmiemha ż-żjara ta’ jumejn tal-Papa Franġisku fl-Irlanda, l-ewwel żjara ta’ Papa f’dan il-pajjiż f’40 sena. F’din iż-żjara, il-Papa ma żammx lura milli jikkundanna bil-qawwa l-każi ta’ abbuż sesswali ta’ tfal minn membri tal-kleru.

Il-Papa talab għall-maħfra ta’ dawn il-każi u tenna li xtaq li ssir ġustizzja ma’ dawk responsabbli. L-aktar kummenti iebsa tal-Papa saru meta l-Ħadd huwa żar is-santwarju tal-Madonna f’Knock. Huwa qal li ma setax ma jkunx milqut mill-istejjer ta’ dawk li sofrew dan l-abbuż u li b’hekk sfaw misruqa mill-innoċenza tagħhom u b’ferita għal għomorhom.

Il-Papa Franġisku mar Knock bl-ajruplan u qabel ma mar is-santwarju, huwa sellem lill-follol fit-toroq. Anki meta kien żar l-Irlanda l-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1979 kien mar Knock. Wara ż-żjara f’Knock, il-Papa mar lura Dublin biex imexxi quddiesa fil-mifruħ f’Phoenix Park. Quddiesa li biha hu wkoll ġab fit-tmiem iċ-ċelebrazzjoni-jiet tal-Jum Dinji għall-Familji li din is-sena saret f’Dublin.

Quddiesa li għaliha hu stmat li attendew mal-500,000 persuna fost xita qlil. It-tema tal-abbuż mill-membri tal-kleru iddominat din iż-żjara tal-Papa. Is-Sibt filgħaxija, il-Papa attenda kunċert bħala parti mill-Festival tal-Familji li sar fil-Croke Park Stadium u fejn attendiet folla ta’ 80,000 ruħ. Fost dawk li kantaw f’dan il-kunċert kien hemm it-tenur Taljan Andrea Bocelli, il-kantant country Nathan Carter u l-kantant Irlandiż Daniel O’Donnell. Il-Ħadd filgħaxija, il-Papa imbagħad telaq mill-ajruport ta’ Dublin biex jirritorna lura l-Italja.