Internazzjonali

L-Awstralja: Tasal l-ewwel dgħajsa bl-immigranti wara erba’ snin

L-ewwel dgħajsa mimlija b’immigranti li qed ifittxu l-kenn politiku waslet l-Awstralja, b’dan ikun l-ewwel każ tipiku wara nuqqas ta’ erba’ snin.

Dan kien ikkonfermat minn Ministru tal-Gvern fost il-preokkupazzjoni dwar l-istat psikoloġiku tat-tfal (immigranti) li kienu waslu qabel l-Awstralja u li ma kenux aċċettati mill-Gvern ta’ dan il-pajjiż.

L-awtoritajiet Awstraljani, fl-aħħar snin, kienu waqqfu l-movimenti tal-immigranti bil-baħar, fejn użaw bastimenti tan-Navy biex idawwru lura d-dgħajjes. Intant, l-immigranti li waslu fl-ibħra tal-Awstralja bil-għan li jingħataw kenn politiku ntbagħtu lejn il-gżejjer ta’ Papua New Guinea u Nauru, fil-Paċifiku, li qed iservu bħala residenza temporanja.

Madankollu, il-Ministru għall-Intern Awstraljan, Peter Dutton, issa qal li ‘grupp ta’ immigranti waslu b’dgħajsa fl-ibħra lejn il-grigal tal-Awstralja’ u wara li huma kienu telqu minn Hanoi, fil-Vjetnam.
Dutton qal li l-awtoritajiet Awstraljani qegħdin jaħdmu mal-aġenziji konċernati biex jaċċertaw li n-nies inkwistjoni jkunu ripatrijati lejn pajjiżhom ta’ oriġini ‘u ladarba huma ( l-Awstraljani) jsiru jafu sew il-fatti f’din il-kwistjoni’.

Il-Vjetnamiti li qed ifittxu l-kenn politiku, fil-passat, kienu aċċettati mill-Awstralja bħala refuġjati leġittimi. Madankollu, kien hemm każi fejn Vjetnamiti li vjaġġaw bid-dgħajjes lejn l-Awstralja spiċċaw interċettati mill-opri tal-baħar tal-awtoritajiet Awstraljani li ma ridux jirrikonoxxulhom l-istatus ta’ refuġjati u (anki) bagħtuhom lura lejn il-Vjetnam.

Skont Dutton, din id-dgħajsa bl-immigranti rnexxielha tasal f’Cape Kimberley, lejn it-Tramuntana ta’ Cairns, fl-Istat ta’ Queensland, minħabba ‘falliment fis-sistema tas-sorveljanza’.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Pulizija ta’ Queensland , Mark Ryan, qal li qed jinżammu taħt arrest 15-il immigrant li kienu qed jittamaw li jsibu l-kenn politiku fl-Awstralja. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet Awstraljani kienu qed ifittxu għal immigranti oħra ‘li jingħad li kienu fl-istess dgħajsa tal-15’.

Sadanittant, l-Australian Broadcasting Corporation irrapporta li t-tfal immigranti fuq Nauru li wkoll kellhom it-tamiet għal kenn politiku fl-Awstralja ‘qegħdin iferu lilhom infushom apposta’, minbarra li ‘jevalwaw diversi mezzi biex ineħħu ħajjithom’.

Numru ta’ dokumenti li ħejjew il-ħaddiema tal-immigrazzjoni qed jindikaw diversi każi xokkanti ta’ dan it-tip fuq il-gżira ta’ Nauru li llum saret magħrufa bħala ċentru ewlieni għall-immigranti. Dan fost inkwiet li ‘għad jistgħu jmutu’ uħud mit-tfal refuġjati (f’din il-gżira) li qegħdin juru l-effetti ta’ trawma serja.